Internazzjonali

Ir-Russja: Iċ-Ċina tingħaqad ma’  Moska f’oppożizzjoni għall-espansjoni tan-NATO

Iċ-Ċina, fl-aħħar sigħat, issieħbet mar-Russja fl-oppożizzjoni għall-allegat espansjoni ‘kontinwa’ tan-NATO. Dan meta ż-żewġ potenzi qed jirriflettu politika komuni quddiem il-pressjoni li qegħdin jiffaċċjaw min-naħa tal-Punent.

Fil-fatt, il-Gvernijiet tar-Russja u ċ-Ċina ħarġu stqarrija dwar ftehim komuni dwar diversi issues u li kienet ippubblikata waqt żjara tal-President Vladimir Putin f’Beijing għall-Olimpjadi tax-Xitwa.

Intant, ir-Russja qalet li qed tappoġġja l-pożizzjoni taċ-Ċina rigward it-Tajwan minbarra li topponi l-indipendenza ta’ din il-gżira Stat li Beijing iqisha bħala parti mit-territorju taċ-Ċina. Dan minkejja li t-Tajwan qed jinsisti dwar id-drittijiet tiegħu bħala pajjiż sovran, bil-kostituzzjoni tiegħu u mexxejja li huma eletti b’sistemi demokratiċi.

Il-laqgħa ‘ferm kordjali u kostruttiva’ ta’ Putin mal-President Ċiniż, Xi Jinping, saret fi żmien ta’ tensjoni kbira relatata mal-Ukrajna u meta d-dinja qed tistenna li l-militar Russu jinvadi l-artijiet tal-ġar minn ħin għall-ieħor. Intant, l-istqarrija tar-Russja u ċ-Ċina ma għamlet l-ebda referenza għall-Ukrajna, bi Vladimir Putin u Xi Jinping jissieħbu f’taħditiet li trattaw diversi suġġetti qabel iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi.

Madankollu, l-istqarrija konġunta qed takkuża lin-NATO dwar ‘ideoloġija tal-Gwerra Bierda’, bir-Russja u ċ-Ċina anki jesprimu l-inkwiet dwar il-patt tas-sigurtà ‘Aukus’ bejn l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Awstralja.

Fl-istess ħin, osservaturi fil-Punent qed jirrimarkaw dwar parti sinifikanti tal-istqarrija li tesiġi li ‘ma jeżistu l-ebda oqsma projbiti għall-kooperazzjoni bejn ir-Russja u ċ-Ċina.

Fl-aħħar sigħat ukoll kompliet tiżviluppa l-gwerra bil-kliem bejn Moska u l-Istati Uniti — bl-Amerikani jakkużaw lir-Russja b’li qed taħseb biex torganizza eżerċizzju finta intiż biex ‘jirrifletti aggressjoni militari min-naħa tal-Ukrajna u bil-għan li t-truppi Russi jkollhom l-iskuża perfetta biex jinvadu t-territorji Ukreni.’

Qed ikun allegat li Moska x’aktarx li tiċċirkola filmat iddettaljat  dwar ‘attakk fl-artijiet tar-Russja jew aggressjoni militari fuq il-poplu li jitkellem bir-Russu fil-Lvant tal-Ukrajna’.

Ir-Russja, intant, qed tiċħad li qed taħdem fuq ‘tattika li jippreċiedi attakk fuq l-Ukrajna’ waqt li l-Istati Uniti ma provdietx il-provi li jissostanzjaw dak li qed tgħid.