Internazzjonali

L-Amerikani jallegaw li r-Russi qed jippjanaw ‘attakk falz’ fuq l-Ukreni

L-Istati Uniti qed issostni li r-Russja qed tħejji attakk falz fuq l-Ukrajna biex imbagħad tkun tista’ tiġġustifika invażjoni minn naħa tagħha.

Uffiċjali fil-Pentagon qed jallegaw li Moska għandha lesti video grafiku li juri attakk fuq territorju Russu jew persuni mill-Ukrajna tal-Lvant.

Minn naħa tagħhom ir-Russi qed jiċħdu li qed jippjanaw attakk iffabbrikat, u qalu li l-Amerka ma provdiet l-ebda evidenza biex isostni l-allegazzjonijiet li qed tagħmel.

Għexieren ta’ eluf ta’ truppi Russi jinsabu fuq il-fruntiera Ukrena, u dan qajjem biża’ ta’ invażjoni imminenti. Iżda Moska qed tgħid li dawn jinsabu hemm għal skop ta’ eżerċizzji militari.

Minkejja ċ-ċaħda ta’ Moska dwar l-intenzjoni ta’ xi attakk, l-Ukrajna u l-alleati tal-Punent jibqgħu imħassba dwar dak li jista’ jiġri fis-sigħat u l-jiem li ġejjin. Filwaqt li hemm tħassib ukoll dwar il-vapuri militari Russi li ġew stazzjonati fil-Mediterran.