Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari fil-Kabinett ta’ Robert Abela jidher li ngħataw istruzzjonijiet ċari li jappoġġjaw lil-Leader – ftit ġimgħat biss qabel elezzjoni ġenerali oħra – waqt li għaddejja l-gwerra li għandu l-Prim Ministru mal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat.
Għax malli inqabad li tħallas 17,000 ewro fix-xahar mill-Awtorità tal-Ippjanar għax kien jaħdem ukoll is-Sibtijiet u l-Ħdud, Abela kompla jitfa l-ħatab fuq in-nar billi dawwar il-kanuni lejn Joseph Muscat.
Il-fatt li Abela kixef parti mill-pakkett li ħa Muscat wara li spiċċa minn Prim Ministru kompla kabbar il-qasma bejn il-klikka tat-tnejn li huma … iżda l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari qed ikunu sfurzati minn Kastilja biex jieħdu n-naħa tal-Leader attwali.
Eżempju ta’ dan kien il-Ministru Michael Falzon, illi stqarr li l-kliem ta’ Robert Abela f’Marsaxlokk kienu fl-interess nazzjonali.
Mistoqsi, allura, jekk Abela għamilx hekk biex jgħatti xturu wara li nqabad li ħa 17,000 ewro fix-xahar mill-Awtorità tal-Ippjanar, il-Ministru Falzon irreferiena għat-tweġiba li tana qabel.
U dan kollu minkejja illi qal li m’għandux idea tal-post li ngħata Muscat jew kemm jiswa flus, minkejja li hu kien parti mill-Kabinett li approva dan il-pakkett ta’ terminazzjoni.
Għaldaqstant, meta mistoqsi kif il-Kabinett għażel li jinkludi din il-binja fil-pakkett li ngħata Muscat, il-Ministru Falzon ħarab billi qal li ma jiddiskutix mal-media dak li jingħad fil-laqgħat tal-Kabinett.
//= $special ?>