L-għaqda Repubblika bagħtet ittri lill-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler u ċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet dwar il-kumpens li Joseph Muscat ingħata wara li spiċċa minn Prim Ministru.
Lill-Kap taċ-Ċivil, Repubblika staqsietu fost l-oħrajn xi ħlasijiet ingħata Muscat minn meta ħabbar li kien se jispiċċa minn Prim Ministru, kif ukoll x’benefiċċji u perkaċċi baqgħu jingħatawlu wara li effettivament spiċċa minn Prim Ministru.
Quddiem dan kollu, l-għaqda appellat għall-informazzjoni kif inhu l-obbligu ta’ Mario Cutajar, bħala l-Kap taċ-Ċivil, li jinforma lill-pubbliku. Kompliet li kull skuża min-naħa tiegħu biex jinħeba l-ftehim li sar b’mod sigriet ma’ politiku li rriżenja mhi xejn anqas minn oltraġġ għall-prinċipji demokratiċi tat-trasparenza u l-kontabbiltà.
Dwar dan kollu, kien informat ukoll il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, bl-għaqda tappellalu jinvestiga lill-Prim Ministru Robert Abela u possibbilment lill-membri tal-Kabinett tal-Ministri fost l-oħrajn dwar il-mod kif sar l-infieq pubbliku, il-kontabbiltà u t-trasparenza.
Liċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet, Repubblika rreferietlu li l-propjetà li Muscat ingħata bħala parti mill-pakkett wara li spiċċa minn Prim Ministru hi jew kienet sa ftit ilu tal-Gvern. Madankollu, l-għaqda jidrilha li din ma ġietx trasferita skont il-Liġi u jekk dan hu l-każ, l-Awtorità għandha twieġeb x’kien ir-rwol tagħha fit-trasferiment.
F’każ li tibqa’ mingħajr risposta, Repubblika qalet li tikkunsidra li titlob lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu azzjoni skont il-Liġi.
//= $special ?>