Futbol Sport

Chelsea jegħlbu l-isfida qalbiena ta’ Plymouth….Wolves eliminati minn Norwich City

Ir-raba’ rawnd tal-FA Cup ma provda l-ebda sorpriża kbira għalkemm Chelsea kellhom jistennew sal-ħin barrani biex jegħlbu lil Plymouth Argyle ta’ League One, waqt li Wolves – kontra kull mistenni – kienu eliminati f’darhom minn Norwich City li komplew juru titjib taħt it-tmexxija ta’ Dean Smith. Sadanittant, Manchester City, Crystal Palace u Everton kollha għaddew għar-rawnd li jmiss bi skors konvinċenti – b’Southampton u West Ham United jirrepetu dan is-suċċess bi skors minimi u mhux ftit tal-affann.

Tottenham għamluha għar-rawnd li jmiss meta għelbu lil Brighton 3-1. Kien Harry Kane li poġġa lil Tottenham fil-vantaġġ. Awto-gowl ta’ Sulley March għamilhom 2-0. Fit-tieni taqsima, Yves Bissouma naqqas l-iskor iżda Harry Kane għal darb’oħra aċċerta minn kwalfikazzjoni.

Chelsea kellhom battikata kbira biex jeliminaw lil Plymouth – bil-Pilgrims anki jispiċċaw jitilfu penalty fil-ħin barrani. Kienu fil-fatt, Plymouth li marru fil-vantaġġ kmieni fl-ewwel taqsima minn Macaulay Gillesphey iżda l-Blues wieġbu għall-1-1 minn Cesar Azpilicueta qabel il-mistrieħ. Fit-tieni taqsima, Chelsea ma setgħux isibu t-tieni gowl importanti u kellhom jistennew sal-ħin barrani biex jiksbu l-vantaġġ permezz ta’ Marcos Alonso. Intant, Plymouth baqgħu jemmnu u rebħu penalty fil-118-il minuta, iżda l-gowlkiper tal-Blues, Kepa Arrizabalaga, salva x-xutt fjakk ta’ Ryan Hardie mill-ħdax-il metru.

Gowl skurjat fl-ewwel taqsima minn Kenny McLean kien biżżejjed għal Norwich City biex jgħaddu għall-ħames rawnd tal-FA Cup għall-ispejjeż ta’ Wolves. Il-midfielder Skoċċiż kien fil-post eżatt biex jixħet fix-xibka bir-ras fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, b’Norwich jiddominaw għal kollox l-ewwel 45 minuta. Fit-tieni taqsima, il-folla f’Molineux irduppjat l-appoġġ għal Wolves li marru qrib id-dro meta t-tentattiv ta’ Daniel Podence stampa mal-lasta. Madankollu – u minkejja l-isforzi ddisprati lejn l-aħħar ħinijiet — it-tim ta’ Bruno Lages ma rnexxilux jikseb il-gowl importanti li seta’ żammu f’din il-kompetizzjoni.

Riyad Mahrez skorja darbtejn għal Manchester City li wieġbu b’mod enfatiku ( 4-1) għall-iżvantaġġ bikri ma’ Fulham ( il-liders ta’ The Championship) biex avvanzaw għar-rawnd li jmiss. Il-Cottagers fetħu l-iskor fl-4 minuta minn Fabio Carvalho iżda l-vantaġġ dam biss 90 sekonda, b’Mahrez jipprovdi assist lil Ilkay Gundogan li għamilhom 1-1. Fit-13-il minuta, John Stones poġġa lil City fil-vantaġġ fuq il-korner ta’ de Bruyne biż-żewġ gowls l-oħra jaslu fit-tieni taqsima meta Mahrez skorja penalty għall-fawl ta’ Joe Bryan fuq Jack Grealish u bir-raba’ gowl jasal ukoll mill-attakkant Alġerin li rċieva mingħand de Bruyne u ra x-xutt tiegħu jixxellef ma’ difensur u bil-ballun jispiċċa mill-ġdid fix-xibka ta’ Paulo Gazzaniga.

Crystal Palace qatt ma dehru f’diffikultà fil-konfront ma’ Hartlepool United f’Selhurst Park, bir-rebħa, 2-0, fuq it-tim ta’ League Two tkun għal kollox meritata. Iż-żewġ gowls ta’ kwalifikazzjoni waslu fl-ewwel taqsima mid-difensur Marc Guehi (4) u b’Michael Olise jagħmilhom tnejn wara 22 minuta. Palace setgħu rebħu bi skor akbar iżda minn dak il-ħin huma kienu traskurati wisq fil-konklużjonijiet tagħhom.

West Ham United kienu żewġ minuti biss ‘il bogħod mill-eliminazzjoni kontra t-tim ta’ North Kidderminster Harriers tan-National League u kien biss bi sforz kbir li huma salvaw minn umiljazzjoni storika. Kidderminster marru fil-vantaġġ minn Penny wara 20 minuta, u żammew dan il-vantaġġ sal-91 minuta – meta Declan Rice kiseb id-dro għall-Hammers u meta kollox kien qed jidher mitluf għat-tim ta’ David Moyes. West Ham, imbagħad, sabu t-tieni gowl fil-ħin barrani grazzi għal Jarrod Bowen u b’hekk evitaw li jsiru l-ewwel tim tal-ogħla diviżjoni Ingliża li qatt spiċċa eliminat minn tim li jinsab xejn anqas minn sitt diviżjonijiet ‘l isfel.

Everton kellhom bidu mill-aqwa taħt il-manager ġdid Frank Lampard fejn għelbu lil Brentford, 4-1, f’Goodison Park. It-Toffees fetħu l-iskor man-nofs-siegħa mis-sostitut Yerry Mina, b’Richarlison jagħmilhom tnejn fil-bidu tat-tieni taqsima. Brentford wieġbu minn penalty ta’ Ivan Toney iżda Everton, imbagħad, skurjaw żewġ gowls oħra minn Mason Holgate u Andros Townsend li konkludew kull diskors.

Southampton ukoll kellhom jistennew sal-ħin barrani biex jaċċertaw mill-kwalifikazzjoni u wara impenn mill-aktar diffiċli ma’ Coventry City f’St Mary’s Stadium. Is-Sky Blues marru fil-vantaġġ minn Viktor Gyokeres wara li bidel il-ballun ma’ Ben Sheaf, iżda fit-tieni taqsima, is-Saints kisbu parità min Stuart Armstrong li sab ir-rokna tax-xibka b’xutt bid-dawwra. Il-logħba, intant, marret għall-‘extra-time’ u fejn kien imiss lil Kyle Walker-Peters li jegħleb lill-gowlkiper ta’ Coventry, Moore, għall-gowl deċiżiv tal-konfront.