“Determinat nibqa’ nimxi ‘l quddiem biex inkomplu nikkonvinċu biex pajjiżna jieħu lura l-isem li jixraqlu” – Kien dan il-messaġġ ċar u b’saħħtu, tal-Kap tal-PN Bernard Grech meta kien intervistat fuq is-sit Lovin Malta. Bernard Grech kien qed iwieġeb għal domanda dwar is-sitwazzjoni ta’ kriżi li ħakmet il-Partit Laburista u l-qasma li bħalissa tirrenja bejn Joseph Muscat u Robert Abela.
Il-Kap tal-PN kompla jispjega l-viżjoni tiegħu għal Malta u Għawdex fejn tkellem dwar l-eżempju li jridu jagħtu l-politiċi, il-bżonn u l-pjan biex pajjiżna joħroġ mill-greylist, l-ambjent rurali u dak personali, kif ukoll pilastri tal-ekonomija li jgħinuna naffaċjaw aħjar l-isfidi li jinsabu quddiemna. Fuq kollox, Bernard Grech spjega li se jaċċerta li ma jagħmilx bħal Robert Abela u jonfoq flus il-poplu bl-addoċċ, iberbaq u jaħli, dak li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin tant jaħdmu għalih.
Il-Kap tal-PN stqarr li pajjiżna għandu Prim Ministru li ma jistax jifhem lin-nies għaliex min jaqla’ 17,000 ewro paga fix-xahar ma jista’ qatt jifhem lin-nies li qed isibuha diffiċli jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Hu spjega li Robert Abela qed jiżbalja għaliex qed iħares ‘l isfel lejn in-nies u dan jikkuntrasta ferm mal-politka tal-PN immexxi minn Bernard Grech.
//= $special ?>