Futbol Sport

Doppjetta ta’ Giroud tagħti rebħa lil Milan fid-derby

(Ritratt: EPA)

Żewġ gowls skorjati mill-attakkant Franċiż Olivier Giroud fl-aħħar kwarta taw rebħa ta’ 2-1 lil Milan fid-derby kontra Inter. F’partita missielta, kienu Inter li fetħu l-vantaġġ fit-38 minuta meta kien Ivan Perisic li għamilhom 1-0. Milan kellhom jistennew sal-75 minuta biex iġibu l-iskor indaqs permezz ta’ Olivier Giroud, bl-istess player tliet minuti wara jagħmilhom 2-1. Milan temmew il-partita bi player anqas meta tkeċċa Theo Hernandez.

Fi Stadio Aretmio Franchi, Lazio għelbu lil Fiorentina bl-iskor ta’ 3-0. Sergej Milinkovic-Savic poġġa lil Lazio fil-vantaġġ fit-tieni taqsima, bl-attakkant Taljan Ciro Immobile jagħlaq il-partita fil-71 minuta. Lazio għamluhom 3-0 fil-81 minuta permezz ta’ awto-gowl ta’ Cristiano Biraghi

F’partita oħra, Roma kienu miżmuma fi draw ta’ 0-0 minn Genoa. B’Roma jiddominaw il-partita sa mill-bidu, kienu Genoa li ħarġu l-aktar sodisfatti b’dan ir-riżultat hekk kif lagħbu mid-69 minuta ‘il quddiem bi player anqas wara li tkeċċa Leo Oestigard. Lejn it-tmiem Roma wkoll temmew jilagħbu bi player anqas meta tkeċċa Nicolo Zaniolo.