Futbol Sport

Fgura jixħtu lil Luqa iktar ‘l isfel

Chris Cassar

LUQA SA…………………… 1

FGURA U…………………..  2

Luqa: P. Villar Flores, J. Camilleri, V. Olowoyo Kayode, A. Abdel Rahman, M. Farrugia, JM Dominicius, R. Schembri, K. Degiorgio, F. Lufi, L. Nwaogu Chibuzur, L. Mallia

Fgura: L. Moore, L. Pisani, D. Caruana, RC Prudente, J. Micallef, M. Brincat, J. Stensen, JR Vella, J. Cassar, S. Borg, D. Quintero

Referee: Sandro Spiteri

Luqa sofrew ir-raba’ telfa konsekuttiva tagħhom meta ġew megħluba minn Fgura bl-iskor ta’ 2-1, f’partita li ma waqfet xejn, u li setgħet faċilment marret iż-żewġ naħat. Luqa jidhru ddestinati li jkomplu l-istaġun fil-qiegħ tal-klassifika, u għaldaqstant ir-relegazzjoni tidher inevitabbli.

Rafael Conrado Prudente skorja żewġ gowls f’temp ta’ tliet minuti biex fetaħ vantaġġ ta’ 2-0 għal Fgura. L-ewwel gowl wasal fit-32 minuta, meta Prudente approfitta minn mument ta’ diżattenzjoni fid-difiża ta’ Luqa, biex ħa pussess tal-ballun fil-kaxxa ż-żgħira u ħasad lill-gowlkiper b’xutt fil-baxx. Żewġ minuti wara, kien Borg li seraq ballun lid-difiża avversarja, li kienet tidher pjuttost konfuża, u qassam lejn Quintero. Quintero bena l-azzjoni flimkien ma’ Prudente, u wara li alternaw il-ballun bejn xulxin, kien Prudente li minn pożizzjoni perfetta f’nofs il-kaxxa ż-żgħira ikkonkluda fix-xibka.

Luqa ħarġu agressivi fit-tieni taqsima, u reġgħu fetħu l-partita fit-48 minuta grazzi għal freekick mill-isbaħ ta’ Larson Mallia, li b’xutt ferm preċiż minn nofs il-grawnd, ħasad għal kollox lid-difiża ta’ Fgura. It-tieni taqsima offriet diversi emozzjonijiet u keient waħda ferm movimentata fuq iż-żewġ naħat. Fgura setgħu għalqu l-partita ħames minuti mit-tmiem, meta wara ġirja tajba, Prudente qassam lejn is-sostitut Borg, iżda x-xutt ta’ dan tal-aħħar minn pożizzjoni ċentrali stampat mal-lasta.

Rebħa faċli għal Melita

SENGLEA A. …………………… 2

QRENDI ………………………… 3

Senglea A: J. Pisani, J. Kind, J.Sultana, L. Grech, M. Zarb, A. Tenorio, O. Magro, C. Sammut, N. Grech, K. Vella, M. De Lucena Guariento.

Qrendi: L. Cauchi, L. Martinelli, Y. Ito, S. Schembri, G. Bugeja, I. Zammit, B. Sammut, C. Escobar, S. Perdomo, J. Cassar, L. Portelli.

Referee: Emanuel Grech

Qrendi kisbu rebħa drammatika kontra Senglea f’logħba mimlija emozzjonijiet speċjalment fit-tieni taqsima, fejn Senglea spiċċaw ukoll il-logħba b’disa’ plejers.

Senglea fil-vantaġġ  fl-ewwel azzjoni denja wara tmien minuti meta Tenorio skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin. Iżda dan il-bidu hekk pożittiv għal Senglea ma żblukkax il-logħba fejn għall-kumplament tat-taqsima l-azzjonijiet kienui verament ftit.

Qrendi ħadu l-inizjattiva wara li sofrew il-gowl iżda l-azzjonijiet tagħhom darba biss inkwetaw lill-goalkeeper ta’ Senglea meta xutt ta’ Escobar ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka.

Mas-siegħa logħob Qrendi kisbu l-gowl tad-draw b’azzjoni ta’ Perdomo li qassam lejn is-sostitut Ogunnupe li minn quddiem il-lasta ma żbaljax. Qrendi komplew jinsistu u żewġ minuti wara kienu sfortunati meta daqqa ta’ ras ta’ Ian Zammit ħabtet mal-lasta. Minuta wara l-istess Zammit minn żewġ passi bogħod u b’lasta vojta quddiemu xeħet inkredibilment barra bir-ras.

Iżda l-isforzi ta’ Qrendi kienu ppremjati fit-73 minuta meta Perdomo twaqqa’ fil-kaxxa bl-istess plejer jiskorja mill-11-il metru. Fl-84 minuta Senglea kisbu l-gowl tad-draw meta Ryan Dalli li kien għadu kif daħal spara fix-xibka bl-ewwel xutt li ta.

Wara dan il-gowl mumenti ta’ konfużjoni u tkeċċija ta’ Leighton Grech ta’ Senglea u fit-88 minuta kien Ian Zammit li skorja l-gowl rebbieħ ta’ Qrendi, b’Senglea jispiċċaw ukoll b’disa’ plejers wara li fil-95 minuta tkeċċa wkoll Owen Magro li waqqaf azzjoni ovvja ta’ gowl.

Rebħa faċli għal Melita

Melita……………………………..3

St. George’s…………………….0

Melita: R.Caruana, M. Debattista, M. Cachia, JP Attard, A. Attard, J. Galea, A. de Barros, J. Abela, H. Konno, A. Messina, NF Omondi

St. George’s: L. Saliba, M. Freitas da Silva, I. Abela, R. Cutajar, G. Sultana, Z. Bowman, R. Sammut, A. Sammut, N. Borg, M. Xuereb, L. Uchechi Chiedozie

Referee: Glen Tonna

Melita kisbu rebħa faċli kontra t-tim tal-qiegħ St. Goerge’s, li b’hekk soffrew it-tnax-il telfa tagħhom dan l-istaġun, li qed ikun wieħed ferm iebes għat-tim mill-Kottonera. Melita b’hekk saħħew posthom fin-nofs tal-klassifika, u jkomplu jaċċertaw ruħhom li jżommu posthom f’din il-kompetizzjoni.

L-aħħar għaxar minuti tal-ewwel taqsima kienu ferm movimentati. L-ewwel kienu Melita li fetħu l-iskor war 36 minuta logħob, meta l-gowlkiper Saliba ħareġ ħażin għal xutt minn korner, u Michael Cachia ħataf l-okkażjoni biex xeħet fix-xibka b’daqqa ta’ ras.

Fit-42 minuta, Bormla kellhom ċans li jerġgħu jidħlu fil-partita, meta r-referee saffar għal penalty għal fawl fuq Chiedozie fil-kaxxa. Mill-ħdax-il metru, Gianluca Sultana xeħet il-ballun ċentrali, f’idejn il-gowlkiper Caruana. Fl-44 minuta, Melita kellhom ċans li jirduppjaw il-vantaġġ iżda x-xutt ta’ Antoine Attard minn tarf il-kaxxa ħabat mal-mimduda u fil-ħin miżjud penalty għal Melita meta Hiroya Konno deher jitwaqqa’ fil-kaxxa, u r-referee għal darboħra issenjala għal penalty. Kien l-istess Konno li inkariga ruħu mill-penalty, iżda x-xutt fil-baxx tiegħu ġie salvat mill-gowlkiper Saliba.

It-tieni gowl għal Melita eventwalment wasal mas-siegħa logħob, meta wara ġirja tajba, Messina qassam lura lejn is-sostitut Matteo Desira Buttigieg, li kien għadu kif daħal jilgħab, li b’xutt mill-ewwel sab ir-rokna tax-xibka. Fit-73 minuta, Melita ingħataw penalty ieħor, din id-darba għal fawl fuq Debattista fil-kaxxa. Din id-darba kien Desira Buttiġieġ li ttanta xortieh u ma falliex, biex issiġilla r-rebħa għal Melita.

Poker ta’ Lydon Micallef

Vittoriosa S. ………………………… 1

Lija A. …………………………………….. 5

Vittoriosa S: R. Marmara, K. Mercieca, E. Grech, E. Ayorinde, A. Oularbi, A. Micallef, D. Borg Castaldi, J. Farrugia, D. Sowatey, Q. Bregman, E. Schembri.

Lija A: L. Bonnici, C. Cassar, L. Muscat, D. Scerri, L. Xuereb, D. Daluri, K. Borg, C. Giordimaina, B. Sciberras, P. Gusso, L. Micallef.

Referee: Daniel Casha

Lija kisbu rebħa faċli ta’ 5-1 kontra Vittoriosa li lagħbu għal madwar 50 minuta bi plejer inqas. Għal Lija protagonista assolut l-attakkant Lydon Micallef li skorja erbgħa mill-ħames gowls tar-rebbieħa.

Il-bidu kien bilanċjat b’Lija jkollhom xi ftit iktar mill-inizjattiva. Iżda fid-29 minuta f’azzjoni iżolata kienu Vittoriosa li fetħu l-iskor b’xutt minn distanza notevoli ta’ Ayorinde, xutt li ħasad għal kollox lill-goalkeeper Bonnici.

Lija wettqu reazzjoni immedjata u xutt ta’ Kurt Borg kien maqlugħ minn fuq il-linja. Fit-38 minuta Vittoriosa spiċċaw b’għaxar plejers meta Joseph Farrugia intwera karta ħamra ftit sekondi wara li kien intwera waħda safra. Lija mill-ewwel approfittaw u minuta wara Lian Xuereb kiseb il-gowl tad-draw b’xutt mill-viċin.

Ħames minuti fit-tieni taqsima Lija marru fil-vantaġġ meta Lydon Micallef rċieva ballun fit-tul dar mal-goalkeeper u skorja f’lasta vojta. Fil-71 minuta Kyle Mercieca mess il-ballun b’idu fil-kaxxa u mill-11-il metru Lydon Micallef ma żbaljax.

Fit-80 minuta Micallef għaqqad il-hat-trick meta daħal tajjeb fil-kaxxa reġa’ qabeż lill-goalkeeper u skorja f’lasta vojta. Fid-89 minuta Micallef skorja wkoll ir-raba’ gowl meta kompla għal ġewwa mill-viċin pass ta’ Shimamura.