Futbol Sport

Hibernians jirritornaw għar-rebħ

Matthias Mizzi

Hibernians……..1

Sliema Wanderers……..0

Hibernians: M. Calleja Cremona, F. Apap, L. Almenda, J. Degabriele (79’ F. Da Costa), D. Vella, Z. Grech, E. Beu (79’ W. Domoraud), J. Zerafa, A. Agius, A. Muniz, A. Diakate

Sliema Wanderers: D. Cassar, J. Morales, K. Shaw, G. Aquilina, J. Mintoff (79’ J. Engerer), I. Gui (74’ E. Agius), R. Kisil (79’ Y. Uchida), M. Piciollo, O. Linton, D. Vukovic (74’ A. Samb), V. Berisha (60’ J. Farrugia)

Imwissija: 7’ V. Berisha, 28’ J. Zerafa, 38’ I. Gui, 50’ G. Aquilina, 73’ L.Almeida

Skorjaw: 19’ J. Degabriele

Referee: Slobodan Petrovic

Assistenti Referees:  Jurgen Spiteri & Duncan Spiteri

Raba’ Uffiċjal: Matthew Degabriele

BOV Plejer tal-Logħba: J. Degabriele

Wara tliet draws konsekuttivi, il-leaders Hibernians irritornaw għar-rebħ b’rebħa minima ta’ 1-0 fuq it-tim f’qiegħ il-klassifika Sliema Wanderers. Minkejja l-qawwa tal-avversarji u d-distakk ta’ punti s-Slimiżi għarfu jkunu ta’ oppożizzjoni b’saħħitha f’kull waqt matul id-disgħin minuta.

F’bidu kwiet, l-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet mal-kwarta logħob meta Matteo Piciollo għaraf ġirja tajba mill-akkwist il-ġdid Valmir Berisha li madankollu l-konklużjoni tiegħu kienet waħda ċentrali u Calleja Cremona salva mingħajr wisq diffikultà. Erba’ minuti l-Pawlisti fetħu l-iskor b’gowl tal-istampi mill-internazzjonali Malti Jurgen Degabriele u li ħalla lill-gowlkeeper bl-ebda tama li seta’ salva dan ix-xutt. Magħżul bħala l-plejer tal-logħba, Degabriele kompla impressjona biex f’żewġ azzjonijiet rispettivi oħrajn reġa’ kien perikoluż, darba minn xutt mill-viċin u darb’oħra minn free-kick preċiż mogħti fl-anglu.

Fit-tieni taqsima Sliema battew xi ftit speċjalment fuq l-attakk tant li ma kienu qatt perikolużi lejn il-lasti ta’ Calleja Cremona. L-aktar li marru viċin kienu Hibernians meta minn fis-86 minuta David Cassar reġa’ kien strumentali biex salva daqqa ta’ ras ta’ Leonardo Almeida minn fuq il-linja. Bil-gowl ta’ Degrabiele jifred iż-żewġ naħat, Sliema jkomplu l-ġlieda tagħhom li jsalvaw posthom fil-kampjonat Premier filwaqt li Hibernians ikomplu t-taqtigħa ma’ Floriana għat-titlu tal-kampjonat.