Coronavirus Internazzjonali Lokali

“Jidher li resqin lejn perjodu ta’ trankwillità” – WHO

Kollox qed jindika li l-Ewropa mistennija tidħol f’fażi oħra tal-pandemija tal-Covid-19… fażi fejn se jonqos it-tixrid ta’ dan il-virus… fażi li qed tissejjaħ bħala perjodu ta’ trankwillita. Dan għaliex il-varjant tal-Omicron jidher li qed ikun inqas sever filwaqt li l-popolazzjoni Ewropea laħqet livell għoli ta’ immunità.

Id-Direttur Reġjonali għall-Ewropa fi ħdan l-Għaqda Dinija tas-Saħħa qal li r-reġjun irreġistra 12-il miljun każ ġdid ta’ Covid fl-aħħar ġimgħat, li jammonta għal madwar 30% tal-każi kollha pożittivi. Pero, minkejja dan l-ammont kbir ta’ każi pożittivi, jidher li n-numru ta’ mwiet qed jibda jistabilizza ruħu.

Huwa qal li din hija opportunità sabiex ikun hemm kontroll ta’ dan il-virus peress li l-Ewropa laħqet ammont kbir ta’ immunità. Fattur ieħor li qed jgħin huwa li ninsabu ħerġin mill-istaġun Xitwi.

Id-Direttur Reġjonali tal-Ewropa qal li dan il-perjodu ta’ protezzjoni għolja jista’ jwassal għal ftit serħan il-moħħ u possibilment lejn tmiem tal-pandemija. Però, minkejja dan kollu, huwa enfasizza l-importanza li jibqa’ għaddej it-tilqim għal kontra dan il-virus.

Intant fl-Italja, il-perjodu ta’ kwarantina għall-persuni li ma ħadux it-tilqima issa naqas għal ħamest ijiem. Dan bħala parti mill-fażi ġdid iżda prudenti li l-Italja tinsab riesqa lejha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ din il-pandemija.

Il-Ministru tas-Saħħa Taljan qal li l-Italja tinsab għaddejja minn fażi li tidher differenti mix-xhur preċedenti hekk kif in-numri ta’ każi pożittivi qiegħed dejjem jonqos.

U xjentisti fl-Afrika t’Isfel għamlu kopja tal-vaċċin Moderna f’tentattiv li tingħata spinta lir-rata ta’ tilqim madwar dan il-pajjiż. Dan hekk kif dan il-kontinent għandu l-inqas ammont ta’ persuni mlaqqma minn madwar id-dinja kollha.