Enerġija Lokali

Miriam Dalli tikkonferma li għadna ninsterqu mill-kontijiet

Ilna snin nafu li l-kontijiet qed jinħadmu ħażin u li l-poplu Malti qed jinsteraq minn kull kont. Għall-ewwel il-Gvern Laburista ma riedx jammetti dan iżda issa li l-Awditur Ġenerali kkonferma li hemm is-serq, tal-Labour bidlu d-diska.

L-ewwel kien il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li fid-diskors tal-Budget ammetta li n-nies qed iħallsu ż-żejjed, imbgħad xahar wara waslet il-konferma uffiċjali mill-Awditur Ġenerali. Din l-aħħar konferma waslet f’Novembru li għadda, u sal-lum, tliet xhur wara, il-familji Maltin għadhom qed jinsterqu għaliex il-Gvern, soluzjoni għadu ma sabx.

Dan kien konfermat mill-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli illi saħqet li għadhom għaddejin bit-‘testing’. U filwaqt li għaddej dan it-‘testing’, il-Maltin u l-Għadxin qed jibqgħu jinsterqu mill-kontijiet. Mhux talli hekk, talli filwaqt li l-Gvern Laburista qed jammetti li qed jisirqek, qed jikkonferma wkoll li flus lura tal-ħlas żejjed mhux se jagħti.

Ir-raġuni għalfejn tal-Labour qed jieħdu din id-deċiżjoni, ħadd għadu ma jafha. Filfatt, meta staqsejna lill-Ministru biex itina raġuni, imqar waħda, għalfejn min insteraq mhux se jingħata flusu lura, Miriam Dalli inħbiet wara l-liġi. Dan apparti diskors partiġġjan li preferiet tuża’ l-Ministru, minflokk spjegazzjoni ċara ta’ għalfejn mhux se jingħataw lura flus li nsterqu n-nies.

Intant, meta affaċjata bid-domandi tal-ġurnalisti, Miriam Dalli kkonfermat li dawk l-eluf li qed jesperjenza problemi fil-provvista tal-elettriku u anke ħsarat fl-appliances tagħhom jista’ jkun li jibqa’ jkollhom dawn il-problemi għal madwar 5 snin oħra għaliex daqshekk ser jieħu l-“pjan ambizzjuz” tal-Gvern biex isolvi din il-problema, li skont Miriam Dalli ilha tinħoloq għal numru ta’ snin. Konferma li l-Gvern Laburista baqa’ ċass quddiem din is-sitwazzjoni għal 9 snin sħaħ u issa rridu nistennew 5 snin oħra biex joħroġ b’soluzzjoni li taċċerta provvista li ma tfallix bi qtugħ ta’ dawl kontinwu jew li tħalli effett ħażin fuq l-appliances tad-dar u tkisser ir-rutina ta’ kuljum tal-familji.