Futbol Sport

Mosta b’wirja konvinċenti kontra St. Lucia

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Matthias Mizzi

Mosta……1

St. Lucia….0

Mosta: E. Akpan, R. Briffa (80’ G. Sciberras), E. Acheampongm (80’ M. Fernandes), C. Failla, J. Bezzina (1’ Y. Leon), B. Diarra, T. Farrugia, A. Antwi (65’ W. Donkin), R. Morisco, S. Akinbule

St. Lucia: J. Haber, A. Prates, J. Pisani (85’ J. Carbone), N. Pulis, V. Plut, A. Da Silva Souza, A. Valport (69’ G. Conti), L. Pretes, J. Zerafa (54’ K. Xuereb), D. Xuereb, Y. Soares (46’ J. Tanti)

Imwissija: 25’ J. Zerafa, 43’ Y. Soares, 54’ T. Farrugia, 63’ A. Prates, 70’ J. Pisani, 72’ G. Conti, 80’ E. Acheampong, 83’ A. Da Silva Souza

Skorjaw: 36’ S. Akinbule

Referee: Trustin Farrugia

Assistenti Referees:  Luke Portelli & Duncan Sultana

Raba’ Uffiċjal: Ishmael Barbara

BOV Plejer tal-Logħba: R. Briffa (MST)

Fl-ewwel logħba li ntlagħbet fit-Tony Bezzina Stadium is-Sibt waranofsinhar, Mosta reġgħu ħarġu rebbieħa wara li l-ġimgħa li għaddiet għelbu lil Balzan. Tul id-disgħin minuta Mosta kienu dominanti f’kull parti tal-logħba fejn saħansitra setgħu għalquha aktar kmieni. Din kienet ukoll it-tieni logħba ta’ St. Lucia taħt it-tmexxija l-ġdida tal-kowċ Giovanni Tedesco.

F’bidu kwiet miż-żewġ naħat l-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet fil-25 minuta meta free-kick mogħti minn Clayton Failla ġie salvat tajjeb minn mal-art mill-eks goalkeeper internazzjonali Justin Haber. Kien proprju fil-36 minuta meta Mosta fetħu l-iskor b’konklużjoni stupenda ta’ Sunday Akinbule wara li żmarka lid-difiża.

Fit-tieni taqsima St. Lucia ħarġu aktar offensivi meta fid-49 minuta kross tas-sostitut Jan Tanti waqa’ preċiż fuq Vito Plut, bid-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet tħakkek mal-lasta. Fis-78 minuta Haber kien strumentali biex St. Lucia baqgħu fil-logħba meta mill-viċin laqa’ xutt imqabbeż ta’ Akinbule. Hekk kif kollox deher li Mosta kienu se joħorġu bl-unuri kollha minn din il-partita, xutt b’saħħtu mill-bogħod ta’ Nicholas Pulis stampa mal-mimduda. L-istess xutt li wasal minn free-kick keskes lil Mosta li fl-aħħar minuti battew xi ftit mill-konċentrazzjoni, madankollu dan kien l-uniku tentattiv serju lejn il-lasti opposti mill-yellows. Għaldaqstant b’din ir-rebħa Mosta jkomplu wkoll jitbiegħdu miż-żona l-ħamra.