Is-Sibt filgħodu ingħatat l-aħħar tislima lil Paulina Dembska, iż-żagħżugħa Pollakka li nqatlet kiesaħ u biered fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema fit-2 ta’ Jannar.
Il-vittma kienet instabet kważi bla ħwejjeġ, taħt ħajt u f’għadira demm.
Kelliem għall-AirMalta kkonferma ma’ Net News li l-katavru tal-Pollakka ġie rilaxxat minn Malta ftit tal-jiem ilu sabiex ikun jista’ jsir il-funeral tagħha fil-Polonja u twassal Londra. Minn hemm kellu jsir it-trasferiment għal titjira oħra. Iżda il-Ġimgħa ġie żvelat ma’ Net News li “seħħet taħwida” fl-ajruport ta’ Heathrow, fejn għal xi raġuni mhux magħrufa, il-katavru tat-tfajla ma tpoġġiex abbord l-ajruplan li kellu jitlaq minn Heathrow lejn il-Polonja, u għalhekk ma setgħux isibu fejn tniżżel il-katavru.
Eventwalment dan tpoġġa fuq titjira oħra li waslet il-Polonja tard il-Ġimgħa.
Il-funeral ta’ Paulina Dembska ġie mxandar ukoll fuq il-midja soċjali u kien ukoll segwit minn bosta Maltin. Kienu bosta dawk li kkumentaw u qalu li Paulina Dembska kienet tfajla simpatika u b’qalb tad-deheb. Oħrajn iddeskrivewha bħala tfajla umli, dejjem bi tbissima fuq fommha – lesta biex tgħin, tħobb l-annimali u tħobb ukoll tivjaġġa.
//= $special ?>