Lokali

Abela jibqa’ jagħżel li jisfida lil Joseph Muscat

Għal darb’oħra il-kriżi fi ħdan il-Partit Laburista ddominat totalment l-attività politika tal-Labour, din id-darba fl-Imqabba – f’mossa oħra li qed titqies minn ħafna bħala tentattiv ta’ ‘show of force’  favur Robert Abela, orkestrata minn Kastilja, u sfida diretta fil-konfront tal-predeċessur tiegħu, Joseph Muscat.

Fil-pjazza quddiem it-tinda, Robert Abela intlaqa’ b’bandiera tperper b’wiċċ Joseph Muscat wara li fl-aħħar ġimgħat komplew il-botta u risposta bejn iż-żewġ klikek li bħalissa ħakmu lil-Labour.

Il-kriżi fil-kurituri ta’ Kastilja u ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista hi waħda ċara … li bi sfida diretta lejn Muscat, Abela kkonferma storja żvelata minn NET News, hekk kif fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali, ħabbar li se jkun qed jabbanduna d-distrett ta’ raħal twelidu, Ħal Qormi, biex jikkontesta fuq il-ħames distrett … id-distrett li fl-2017 kien ikkontesta fuqu l-istess Muscat.

Id-deċiżjoni ta’ Abela ma tantx niżlet tajjeb mal-klikka ta’ Muscat, iżda wkoll minn nies qrib il-Ministru Miriam Dalli, li bdiet tittama li tkun l-istar candidate tal-Labour f’dak id-distrett.

Minflok it-triq tal-għaqda, Robert Abela għażel li għal darb’oħra jappella lill-partitarji biex jinsew dak li sar mill-Partit tal-Labour qabel ma rifes passejh f’Kastilja bħala Prim Ministru … messaġġ ieħor dirett li ta qablu spiċċa jħammarlu wiċċu…..bin-nies preżenti matul l-attività instigati minn nies qrib Abela jgħajtu “Robert Robert”.

L-eloġju sforzat lejn Abela ssokta bid-diskors tal-Kandidata tal-Labour Amanda Spiteri Grech, kif ukoll mill-Ministru Clint Camilleri … b’dan tal-aħħar jagħmel referenza għall-kriżi interna.

B’narrattiva ta’ diviżjoni u attakk partiġġjan wieħed wara l-ieħor, Abela ftaħar bil-€100 li se jagħti ta’ darba … iżda l-Maltin u l-Għawdxin xorta mhux se jkunu qed jingħataw lura l-flus li nsterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma u wisq anqas xi forma ta’ żieda fl-għajnuna kontra l-għoli tal-ħajja … f’konferma oħra li Gvern tal-Labour jieħu lin-nies for granted.

Dan fl-istess ġimgħa li Abela nqabad li kien jaqla’ €17,000 fix-xahar minn konsulenza legali mal-Awtorita tal-Ippjanar.

U għal ġimgħa oħra, Abela ddeċieda li jkompli jħalli l-ekonomija ostaġġ tal-inċertezza tiegħu – fost stennija għall-elezzjoni ġenerali – tant li għażel li jwaqqa’ dan is-suġġett għaż-żufjett.