Irrid nara li l-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern mhux bi dritt, iżda għax pajjiżna ħaqqu jkun kburi u rispettat. Gvern li joffri l-aħjar prosperità għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, li nirrispettaw lil xulxin ħalli tiġi l-bidla li jixraqilna u l-ġid jinqasam bejn kulħadd.
Dan kien l-impenn li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza folla numeruża f’Tas-Sliema, fejn spjega li l-ħolma tiegħu hi li flimkien nistgħu nagħmlu lil dan il-pajjiż wieħed li jirnexxi.
F’messaġġ pożittiv u b’viżjoni, Bernard Grech qal li l-Partit immexxi minnu se jibqa’ determinat li kull ma jagħmel, jagħmlu biex pajjiżna jkollu futur aħjar. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li pajjiżna jista’ jirnexxi bis-sehem ta’ kulħadd.
Bħalma emmen Eddie Fenech Adami, li għalkemm ġie attakkat, ma beżax għax kien jaf li kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja u għax kien jaf li s-sewwa jirbaħ żgur. Lejlet għeluq snin Eddie Fenech Adami, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista ma jistħi mill-ebda Kap li kellu fl-istorja għax dawn dejjem poġġew il-prijoritajiet tal-poplu l-ewwel u qabel kollox.
Eddie għadu sal-lum jispira lill-poplu wara li ġab il-bidla grazzi wkoll għat-tim formidabbli li kellu madwaru. Dejjem wera kif aħna kapaċi, anke fl-Unjoni Ewropea, wara li ġabilna d-demokrazija u d-dritt li nsemmgħu leħinna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-ħidma tagħna għandha tibqa’ biex naraw li ħadd ma jibqa’ lura, biex inservu b’konvinzjoni u b’determinazzjoni li l-poplu jixraqlu l-aħjar.
Min-naħa l-oħra, Robert Abela nesa lill-poplu, għalkemm ftakar jieħu 17,000 ewro fix-xahar mingħajr mistħija għax mhux kapaċi jħoss it-tbatijiet tal-poplu. Hu pprova jaħbi, iżda nqabad mill-media u, biex jagħlaq ħalq in-nies, se jagħti ċekk ta’ 100 ewro.
Bernard Grech qal li l-Partit immexxi minnu se jibqa’ l-Partit tax-Xogħol, il-Ġustizzja u l-Libertà … il-Partit li jridek timxi ‘l quddiem u li jieħu gost jarak tirnexxi, il-Partit li jemmen fin-negozji u li dawn jistgħu jimxu ‘l quddiem.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jinsab konvint li llum il-ġurnata, il-Partit Nazzjonalista għandu l-appoġġ ukoll ta’ Laburisti li qed jemmnu fih, kif ukoll lil Nazzjonalisti li fil-passat ivvotaw lil-Labour u issa qed jagħżlu futur aħjar għal pajjiżna.
//= $special ?>