Internazzjonali

Il-Ġermanja: Rabja għall-għeluq ta’ Deutsche Welle fir-Russja

Il-Ġermanja u l-Unjoni Ewropea qegħdin jikkundannaw id-deċiżjoni tar-Russja biex tagħlaq il-bureau ta’ Deutsche Welle  (DW) – ix-xandar pubbliku internazzjonali – f’Moska. Dan meta l-istaff kollu ta’ DW tilfu l-akkreditazzjoni tal-istampa, bl-istazzjon ikun ipprojbit milli jxandar fir-Russja.

Il-Ġermanja esprimiet rabja kbira għal dan il-pass, bil-Ministeru għall-Kultura f’Berlin jesiġi li l-miżura minn Moska bl-ebda mod ma tista’ titqies bħala ‘aċċettabbli’.

Ir-Russja, iżda, qed tgħid li ħadet dan il-pass wara li r-regolaturi fil-Ġermanja deċidew li l-istazzjon televiżiv ġdid RT DE tal-Istat Russu ma kellux liċenzja xierqa biex ixandar minn pajjiżhom.

Intant, il-Gvern f’Moska ħalla l-bieb imbexxaq għal soluzzjoni, b’kelliema għall-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin qed jgħidu li r-Russja lesta biex ‘tinnormalizza’ is-sitwazzjoni jekk il-Ġermanja tirreċiproka bil-miżuri simili.

In-network tal-RT għandu l-istazzjonijiet bil-lingwa Ingliża, bil-Franċiż u bl-Ispanjol. Intant, l-istazzjon tas-satellita bil-lingwa Ġermaniż kien introdott f’Diċembru permezz ta’ liċenzja mingħand is-Serbja, li ma tiffurmax parti mill-Unjoni Ewropea.

L-RT, fil-parti kbira, jitqies bħala l-vuċi tal-Kremlin ta’ Moska u l-awtoritajiet għall-illiċenzjar tal-istazzjonijiet fil-Ġermanja sostnew li l-RT ma kellu l-ebda permess tal-UE. Sadanittant, l-istazzjon RT DE kien tneħħa min-network tas-satellita Ewropew fi kwistjoni ta’ ġranet.