Futbol Sport

Il-holders Leicester City umiljati minn Nottingham Forest fis-City Ground

Nottingham Forest, li jinsabu fit-tmien post ta’ The Championship, ġabu fix-xejn lil Leicester City — sa ftit ilu l-holders tal-FA Cup — bħalma jindika l-iskor finali, 4-l, ta’ dan il-konfront interessanti fis-City Ground. Fil-fatt, it-tim ta’ Steve Cooper – li qabel kien elimina lil Arsenal mill-kompetizzjoni — prattikament aċċerta mill-kwalifikazzjoni għall-ħames rawnd tat-tazza bi tliet gowls li waslu f’disa’ minuti stupendi waqt l-ewwel taqsima u bil-Foxes, minn dak il-ħin, rari jidhru li setgħu jidħlu fil-logħba. Filwaqt li r-rebħa fuq Arsenal ( b’gowl ta’ Lewis Grabban) impressjonat bil-kbir, l-umiljazzjoni totali ta’ Leicester, bla dubju. għandha titqies bħala x-xokk assolut ta’ din il-kompetizzjoni.

Dan speċjalment wara li li l-Foxes — li jinsabu fl-għaxar post fil-Premier League — niżlu għal din il-logħba bl-aħjar formazzjoni possibbli bil-ħsieb li jevitaw sorpriża. L-ewwel gowl ta’ Forest wasal wara 23 minuta, meta l-kross ta’ Brennan Johnson sab lil Philip Zinckernagel żmarkat li xeħet il-ballun fix-xibka ta’ Danny Ward. Leicester bilkemm laħqu stejqru mill-gowl li ma sabux ruħhom 2-0 minn taħat wara xejn aktar minn 30 sekonda…Dan meta Johnson – li, flimkien ma’ James Garner, kellu logħba kbira – irdoppja fuq l-iżball ta’ James Justin. Il-logħba kompliet għat-telgħa għal Leicester, b’Forest jagħmluhom tlieta permezz tal-captain, Joe Worrall (32) li sammar ġewwa bir-ras fuq il-korner ta’ Garner.

Eżatt qabel il-mistrieħ, Leicester naqqsu d-distakk meta l-gowlkiper ta’ Forest, Brice Samba, wettaq żball fatali li ppermetta biex Kelechi Iheanacho jiskorja f’xibka vojta. Madankollu, ir-reazzjoni ta’ Leicester ma waslet qatt, b’Forest ikomplu jamministraw il-vantaġġ u sakemm Djed Spence (61) għeleb lil Ward għar-raba’ darba wara azzjoni personali. L-uniku inċident li ħalla togħma morra seħħ wara t-tieni gowl ta’ Forest, meta sapporter qabeż fil-grawnd u kkonfronta lil diversi plejers qabel spiċċa mrażżan mill-membri tas-sigurtà preżenti. Sadanittant, u grazzi għal din ir-rebħa, Nottingham Forest se jiltaqgħu ma’ Huddersfield Town ( tim ieħor minn The Championship) fir-rawnd li jmiss tal-FA Cup.

Liverpool għaddew għall-ħames rawnd tal-FA Cup għat-tieni darba fl-aħħar seba’ staġuni u wara li huma rnexxielhom jegħlbu, 3-1, lil Cardiff City li jinsabu fin-naħat t’isfel ta’ The Championship. Il-Bluebirds ta’ Wales niżlu mingħajr diversi plejers regolari kontra l-avversarji bil-wisq aktar ikkwotati iżda huma xorta għamlu l-ħajja diffiċli għar-Reds u rnexxielhom iżommu d-difiża intatta sal-mistrieħ fost il-frustrazzjoni tal-plejers ta’ Jurgen Klopp.

Fil-fatt, fl-ewwel taqsima Cardiff kellhom għajta valida għal penalty wara li Ibrahima Konate deher iwaqqa’ lil Mark Harris fil-kaxxa, iżda r-referi ħalla l-logħob għaddej. Fit-tieni taqsima, iżda, Liverpool ħadu kontroll tal-logħba, bi Diogo Jota (53) jiftaħ l-iskor bir-ras fuq il-freekick ta’ Alexander-Arnold. Ir-Reds, kwarta wara, għamluhom tnejn, meta l-attakkant ġdid Luis Diaz, li għadu kemm ingħaqad ma’ Liverpool mingħand Porto, għadda ballun lil Takumi Minamino li ma żbaljax minn quddiem il-gowlkiper Phillips. It-tielet u l-aħħar gowl ta’ Liverpool wasal mis-sostitut Harvey Elliott (76), li kien qed jirritorna wara injury fit-tul, u li dar ma difensur qabel ikkonkluda fir-rokna tax-xibka.

Imbagħad kien imiss lil sostitut ieħor – din id-darba Rubin Colwill ta’ Cardiff – li jniżżel ismu fuq il-lista ta’ scorers b’xutt fil-baxx li ma ta l-ebda ċans lil Kelleher fil-lasta tar-Reds. Madankollu huma Liverpool li se jikkonfrontaw lil Norwich City fl-aħħar sittax ta’ din il-kompetizzjoni — bil-manager ta’ Cardiff, Steve Morison, minn issa se jagħti priorità assoluta lill-konfronti li jmiss f’The Championship u fejn il-Bluebirds qed jokkupaw l-20 post fil-klassifika.

FA CUP

Illum: Liverpool v Cardiff 3-1, Nottingham F. v Leicester 4-1, Bournemouth v Borehoom W 0-1