Il-każ ta’ Robert Abela u l-kuntratt li kellu mal-Awtorità tal-Ippjanar ta’ €17,000 fix-xahar, kompla jnissel aktar inkwiet fil-Partit Laburista. Sorsi ta’ il-mument fil-Partit Laburista qalu li matul din il-ġimgħa kompliet tikber il-qasma bejn il-klikka li tappoġġja lil Robert Abela u l-klikka ta’ Joseph Muscat.
Is-sorsi tagħna spjegaw li wara li s-Sibt li għadda l-Eks Mexxej Laburista semma l-moviment Laburista u li mhu se jħalli lil ħadd ikissru, b’botta diretta lejn Robert Abela, issa kien imiss l-istorja tal-kuntratt tas-€17,000 ta’ Robert Abela li ħarġet it-Tnejn fil-midja.
Mill-ewwel Robert Abela mar fuq l-attakk u kixef lil Joseph Muscat dwar l-uffiċċji ta’ Sa Maison. Uffiċċji li ngħata bħala parti mill-pakkett ta’ meta kien irriżenja minn Prim Ministru.
Is-sorsi tagħna spjegaw li din il-botta u risposta qed toħloq sitwazzjoni ta’ tensjoni fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, bil-kampanja elettorali wara l-bieb u l-possibbiltà ta’ elezzjoni fi żmien ftit ġimgħat. Is-sorsi ta’ Il-Mument fil-qalba tal-Partit Laburista, spjegaw li din it-tensjoni qed twassal għal inċertezza anke fost il-volontiera u l-ħaddiema li qed jippreparaw għall-kampanja elettorali, tant li mhux qed jiġu fdati u ttimbrati bil-gruppi.
Jidher li n-nies li s-soltu jkunu fdati qed jitħallew fil-għama għaliex Robert Abela ma jafx jekk jappoġġjawhx jew le. Li hu żgur hu li kulma jmur qed tikber il-qasma bejn iż-żewġ gruppi.
Id-diskussjoni qed iddur ukoll mal-kundizzjonijiet li ngħata dan l-uffiċċju f’Sa Maison. Il-perjodu għal kemm ingħata? Id-dawl u l-ilma minn min qed jitħallas? It-tindif minn min qed isir?
Dawn huma diskussjonijiet li qed isiru bħalissa fil-kuruduri taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Bil-pressjoni fuq Robert Abela qed tkompli tiżdied, anke fid-dawl li fiċ-ċrieki tiegħu qed tikber ix-xniegħa li Robert Abela qed jibqa’ ma jiddeċidix u li jżomm kollox għalih għaliex mhu jafda lil ħadd.
//= $special ?>