Lokali

Il-PN se jibqa’ jaħdem għax jemmen li s-sewwa jirbaħ żgur

Il-Partit Nazzjonalista jinsab lest u se jibqa’ jaħdem b’konvinzjoni għax jemmen li s-sewwa jirbaħ żgur. Għall-Partit Nazzjonalista, il-bniedem jibqa’ fiċ-ċentru u għalhekk irid ikun ma’ kull Malti u Għawdxi għax jemmen li l-aspirazzjonijiet tal-poplu huma l-aspirazzjonijiet tiegħu.

Kliem is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Michael Piccinino matul l-attività f’Tas-Sliema, fejn tenna li – għall-kuntrarju ta’ kif jaħsbu xi wħud – il-Partit immexxi minn Bernard Grech hu l-partit tal-futur. Spjega li fil-Partit Nazzjonalista dejjem sab il-bibien miftuħin u b’hekk seta’ jitla’ tarġa tarġa.

Michael Piccinino esprima t-tħassib tiegħu għall-fatt li 70 fil-mija taż-żgħażagħ iridu jitilqu minn Malta għax ma jarawx futur, filwaqt li appellalhom jerġgħu jaħsbuha għax il-Partit Nazzjonalista jara fihom sejem importanti biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem.

Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech se jkun wieħed li jwettaq dak li jwiegħed, bi pjan fit-tul u b’viżjoni. Għall-kuntrarju, il-Partit Laburista wiegħed ħafna affarijiet sbieħ, bħall-meritokrazija u l-kontabbiltà, iżda fil-Gvern għamel bil-kontra.

Filwaqt li awgura lil Eddie Fenech Adami u rringrazzjah għall-mod kif bena pajjiż li minnu gawdew l-aktar iż-żgħażagħ, hu temm b’appell lil kull Malti u Għawdxi biex jibqa’ jappoġġja lill-Partit Nazzjonalista – kemm finanzjarjament u anke b’ħinu – għax hekk biss nistgħu naraw li tissawwar il-bidla pożittiva li għandu bżonn pajjiżna.

Min-naħa tagħha, id-Deputat Claudette Buttigieg qalet li aktar Maltin u Għawdxin ta’ kuljum qed jifhmu li pajjiżna għandu bżonn lill-Partit Nazzjonalista għax hu l-uniku partit li jridlu verament il-ġid.

Spjegat li mal-Partit Nazzjonalista kulħadd jaf fejn ikun, mingħajr gimmicks u b’kandidati li jistgħu jagħmlu d-differenza. Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista spiċċa mifni bi skandlu wara l-ieħor.

Claudette Buttigieg innotat li Robert Abela ħeba u nqabad li kien qed jieħu 17,000 ewro mill-Awtorità tal-Ippjanar u dan juri kemm hu u l-Partit li jmexxi huma maqtugħin mir-realtà tal-poplu.

Filwaqt li ngħaqdet fl-awguri għal Eddie Fenech Adami, hi fakkret fid-diversi drabi li l-partitarji Nazzjonalisti mlew it-triq li kienu fiha – Dingli Street – biex jisimgħu l-messaġġi tal-Kapijiet differenti tal-Partit.

U l-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Jerome Caruana Cilia qal li, minkejja d-differenzi, hu biss flimkien li nistgħu nagħtu nifs ġdid lil pajjiżna, b’Paġna Ġdida u b’Bidla b’Viżjoni.

F’tislima partikolari lil Eddie Fenech Adami, hu fakkar f’waħda mill-frażijiet li jibqgħu jimmarkaw il-ħidma politika tal-eks Kap Nazzjonalista: “Pajjiżek qed isejjaħlek u int għandek twieġeb ‘hawn jien’”.

Illum din is-sejħa qed terġa’ ssir, hekk kif ħafna ħaddiema qed jegħrqu l-għaraq tad-demm biex idawru lira, iżda xorta jinsabu fir-riskju tal-faqar.

Jerome Caruana Cilia qal li xogħol il-politiku hu li jinżel fit-toroq u jisma’ lin-nies. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed iressaq proposti biex int tgħix aħjar quddiem Prim Ministru li ma jistax jifhem lill-ħaddiem għax hu kien għaddej tajjeb bi 17,000 ewro fix-xahar.

Dan fost l-eluf li daħħlu tal-qalba, filwaqt li intesew għal kollox il-ħaddiema tal-Air Malta, l-edukaturi, il-Pulizija, il-professjonisti mediċi u s-self-employed fost oħrajn.