Il-bidla li għandu bżonn pajjiżna nakkwistawha flimkien mal-poplu Malti u Għawdxi kollu, li jrid jibgħat messaġġ.
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista matul il-programm speċjali li għaddej bħalissa fuq NET Television u NET FM, f’għeluq it-88 sena ta’ Eddie Fenech Adami.
Bernard Grech insista li l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista u eks Prim Ministru ta’ Malta kien, mingħajr l-ebda dubju, dak li ta d-dinjità liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin biex jesprimu ruħhom u jiksbu s-suċċessi bil-ħila tagħhom. Saħaq li llum ninsabu fi triqtna biex niksbu lura d-demokrazija u r-reputazzjoni tal-pajjiż.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Maltin u l-Għawdxin ma jistgħux jibqgħu jsofru l-konsegwenzi ta’ dawk li żbaljaw fil-kurituri ta’ Kastilja, filwaqt li min verament ħaqqu jwieġeb, qed jaħrab mill-ġustizzja.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista għandu diversi pjani, fosthom fl-Edukazzjoni, fit-Trasport, u fis-Saħħa ħalli verament dan il-Partit jieħu azzjoni għall-ġid tal-poplu kollu.
Sadanittant, matul il-programm speċjali qed jipparteċipaw għadd ta’ mistednin, li qed jitkellmu dwar ħajjet Eddie Fenech Adami bħala politiku, iżda wkoll bħala missier u raġel tal-familja.
//= $special ?>