Lokali

Jum il-Ħajja: Impenn ħalli l-ħajja umana tibqa’ meqjusa bħala waħda imprezzabbli

“Filwaqt li naħdmu bis-sħiħ biex inħarsu l-ħajja ta’ min hu dgħajjef u vulnerabbli, illum irridu wkoll insaħħu l-impenn tagħna ħalli ngħinu lil min jgħaddi mit-tbatija.”

Kien dan kliem l-Isqof Awżiljarju, Joseph Galea-Curmi waqt l-Omelija għal Jum il-Ħajja, b’referenza diretta għall-embrijuni u għall-aktar imwiet riċenti li ħallew impatt fuq is-soċjetajiet – dawk ta’ Paulina Dembska u taċ-ċkejken Rayan.

Monsinjur Galea-Curmi saħaq dwar l-importanza li nsaħħu l-impenn tagħna li nagħrfu li l-ħajja umana hi imprezzabbli u għalhekk, għandna nagħmlu kull sforz biex nipproteġuha u nsalvawha.

L-Isqof Awżiljarju fakkar li l-valur tal-ħajja stajna nifhmuh ħafna aktar fl-esperjenza kerha tal-pandemija li għexna u li għadna qed ngħixu.

Kien għalhekk li saħaq li wieħed għandu jaħdem għal kultura li tirrispetta u tagħti d-dinjità f’kull waqt tal-ħajja tal-bniedem.

Sadanittant, qabel il-Quddiesa, għexieren ta’ persuni mxew matul it-toroq tal-Belt sa quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann biex ikomplu jxerrdu l-messaġġ favur il-ħajja.