Lokali

Mill-ġdid Robert Abela jimpika ma’ Joseph Muscat – PN

Robert Abela illum abbanduna s-sitt distrett biex mill-ġdid jimpika ma’ Joseph Muscat biex jikseb aktar voti minnu fuq l-istess distretti li kien ikkontesta hu.

Abela ukoll ser idgħajjef numru ta’ kandidati oħra li jrid jeħles minnhom, konferma tal-ġlied intern li jeżisti fi ħdan il-Labour.

Abela beda d-diskors tiegħu llum billi qal li ma riedx jitkellem dwar il-passat. Imbagħad qatta’ l-ħin kollu jitkellem dwar amministrazzjonijiet Nazzjonalisti tal-passat.

Minflok skuża ruħu talli ħeba ż-żieda skandaluża fil-paga li ta lilu nnifsu biex jaqla’ €17,000 fix-xahar, ipprova jnessi l-problemi li qed jiffaċċjaw in-nies komuni.

Għal darb’oħra rrifjuta b’ras iebsa li jirrifondi dak li seraq il-gvern tiegħu mingħand in-nies, f’serq istituzzjonalizzat fil-kontijiet tad-dawl. Minflok, sostna li ċ-ċekkijiet ta’ €100 li qed jingħataw lin-nies eżatt qabel l-elezzjoni huma biżżejjed biex jittrattaw l-għoli tal-ħajja, li dejjem qed jiżdied.