Lokali

Pazjenti mġiegħlha jgħaddu minn tbatija bla bżonn biex jiksbu mediċini li jinsabu biss fl-Ispiżerija tal-Gvern

Pazjenti li jkollhom bżonn ta’ mediċina li ġeneralment tinstab biss fl-Ispiżerija tal-Isptar Mater Dei u li hi magħrufa bħala l-‘Mediċina tal-Gvern’, qed ikunu mġiegħla jgħaddu minn tbatija bla bżonn li qed ikunu kostretti jgħaddu minnha spiss.

Jirriżulta li minkejja li anki l-awtoritajiet jafu sew li dawn il-mediċini ma ssibhomx fis-suq privat, xorta waħda jeżiġu li l-pazjenti li jkollhom bżonnhom ta’ bilfors, mhux biss iġibu r-riċetta tat-tabib imma wkoll jintalbu jmorru għand tliet spiżeriji differenti biex dawn jiffirmaw u jiddikjaraw li dik il-mediċina ma tinstabx għall-bejgħ fis-suq privat.

It-Tabiba Maria Deguara, li hi wkoll Shadow Minister tal-Partit Nazzjonalista, tkellmet ma’ Il-Mument u kkonfermat li f’dan ir-rigward hawn ċerti nuqqasijiet li qed jikkawżaw tbatijiet bla bżonn għal għadd ġmielu ta’ pazjenti minħabba li qed ikollhom diffikultà biex jiksbu ċerti mediċini li jkollhom bżonn.

Hi qalet li din it-tbatija tista’ tkun faċilment indirizzata bi ftit ta’ rieda tajba biex hekk dan l-inkonvenjent jitnaqqas għal numru konsiderevoli ta’ pazjenti.

Mistoqsija dwar dawk il-mediċini li għal xi raġuni jew oħra ma ssibhomx fis-suq privat, Maria Degura spjegat li hemm dawk il-mediċini li l-pazjenti ma jsibuhomx jixtruhom minn spiżerija fil-privat għaliex jinstabu biss fl-Ispiżerija tal-Isptar Mater Dei jew kif normalment jissejħu ‘Mediċini tal-Gvern’.

Maria Deguara kompliet li minkejja li anki l-awtoritajiet jafu sew li dawn il-mediċini ma ssibhomx fis-suq privat, xorta waħda qed jeżiġu li l-pazjenti li jkollhom bżonnhom ikollhom ta’ bilfors mhux biss iġibu r-riċetta tat-tabib imma wkoll jintalbu jmorru għand tliet spiżeriji differenti biex dawn jiffirmaw u jiddikjaraw li dik il-mediċina ma tinstabx għal bejgħ fis-suq privat.

Wieħed jista’ jimmaġina t-tbatija li l-pazjent jew qrabatu jkollhom jgħaddu minnha xahar wara l-ieħor biex jixtru dawn il-mediċini bżonjużi, fissret Maria Deguara li kompliet li: “Biex inkunu qed ngħidu kollox hemm minn dawn il-mediċini li wieħed jista’ jakkwistahom mingħajr ħlas mill-POYC, jiġifieri mingħand l-Ispiżerijja tal-Għażla Tiegħek.

“Iżda xorta waħda hemm numru ta’ pazjenti li ma jikkwalifikawx għall-POYC. Fost dawn hemm numru ta’ residenti barranin jew turisti għall-btala fil-gżejjer tagħna. Dawn fil-preżent m’għandhomx triq oħra ħlief li jgħaddu minn dan il-proċess minkejja li lesti jixtru dawn il-mediċini.”

Hi qalet li jeżistu wkoll pazjenti li minkejja li huma intitolati biex iġibu dawn il-mediċini mingħajr ħlas mill-POYC, xorta waħda jippreferu li jixtruhom minn spiżerija privata. Lil dawn fil-mument qed inċaħħdulhom din l-għażla li hi dritt tagħhom.

Maria Deguara ppreċiżat li f’dan ir-rigward mhux qed titkellem dwar dawk il-mediċini rari, imma qed tirriferi għal dawk il-mediċini li jintużaw minn numru mhux żgħir ta’ pazjenti.

Fosthom il-mediċini hemm dawk magħrufa bħala:

SALAZOPYRINE, li fost indikazzjonijiet oħra tintuża għal infjammazzjoni tal-musrana;

SINNEMET jew Co-Carbidopa, li hi mediċina li tintuża għall-kura tal-parkinson;

PROPRANOLOL, li jintuża biex jirregola r-ritmu tal-qalb, il-pressjoni u l-migranja; u

DIAZEPAM, li tintuża, fost oħrajn, waqt aċċessjonijiet.

Mistoqsija dwar il-fatt li b’dawn il-mediċini kienet qed issemmi sensiela ta’ kundizzjonijiet komuni u li mhumiex rari u li allura hemm numru konsiderevoli ta’ pazjenti li jużawhom regolarment, Maria Deguara qalet li: “Meta kulħadd jaf li dak li qed ngħid hu minnu ma narax għaliex din is-sistema li ilha tintuża għal għexieren ta’ snin ma tistax tinbidel biex tiffranka tbatija u inkonvenjent li din is-sistema qed tikkawża lil kull min jinħtieġ jieħu dawn il-mediċini.

“Ma jagħmilx sens li meta nafu li dawn il-mediċini ma jinstabux fis-suq u meta l-awtorità taf ukoll dan, li nġiegħlu lill-pazjenti jiġru minn spiżerija għall-oħra biex jakkwistaw tliet firem. F’dawn il-każi r-riċetta tat-tabib għandha tkun biżżejjed biex il-pazjent jixtri l-mediċina mill-Ispiżerija tal-Isptar.”

Mistoqsija dwar nuqqas ta’ mediċini importanti kemm fil-privat, imma anki mill-Ispiżerija tal-Gvern, Maria Deguara qalet li fil-preżenti hawn nuqqas ta’ numru ta’ mediċini importanti kemm fis-suq privat imma anki mingħand l-Ispiżerija tal-Gvern.

Hi qalet li din is-sitwazzjoni tat-tħassib mhix tort tal-Gvern. Il-ħruġ tal-Ingilterra mill-Unjoin Ewropea ġab miegħu diffikultajiet biex numru ta’ mediċini li konna nġibu minn dan il-pajjiż issa mhux faċli li jkunu impurtati f’Malta.

Maria Deguara żiedet li l-kaos li ġabet magħha l-pandemija COVID-19 kompla jgħarraq is-sitwazzjoni għax affettwat sew il-manifattura kif ukoll id-distribuzzjoni ta’ mediċini, uħud minnhom mediċini li jitqiesu essenzjali.

Hi spjegat li numru ta’ mediċini li qabel setgħu jinxtraw mill-privat illum sparixxew mis-suq privat. “Preokkupazzjoni akbar hu l-fatt li numru minn dawn il-mediċini qed ikunu skarsi saħansitra fl-isptarijiet tagħna.

“Biex inkun iżjed speċifika qed nirreferi partikolarment għal waħda mill-mediċini li l-aktar tintuża biex tikkontrolla numru ta’ kundizzjonijiet komuni fosthom l-asthma, ċertu forom ta’ artrite, allerġiji, kundizzjonijiet ta’ mard tal-ġilda u li tintuża wkoll f’mard serju bħal fil-kura ta’ ċertu tipi ta’ kanċer. Il-mediċina li qed nirreferi għaliha hija magħrufa bħala steroids.

“Ilna wkoll iżjed minn xahrejn b’nuqqas ta’ ċertu oestriol creams li jintużaw ta’ sikwit minn nisa.”

Maria Deguara qalet li f’isem il-pazjenti li jużaw dawn il-mediċini, tappella lill-awtoritajiet biex jagħmlu ħilithom ħalli dan in-nuqqas jiġi indirizzat b’mod urġenti sakemm is-sitwazzjoni terġa’ tiġi għan-normal.

Hi temmet li hi qed tagħmel dan l-appell għaliex hi konvinta li l-Gvern għandu iżjed saħħa u mezzi minn kull importatur privat, biex jiżgura provista ta’ dawk il-mediċini essenzjali biex ħadd ma jkun imċaħħad mill-kura li jinħtieġ.

Mistoqsija dwar il-kwalità tal-ħajja li qed jgħixu n-nies fejn hawn sitwazzjoni li l-faqar qiegħed jiżdied u anki dwar l-għoli tal-ħajja, Maria Deguara fissret li hu d-dover ta’ kull Membru Parlamentari li jitkellem dwar il-preokupazzjonijiet u r-realtà li hawn f’pajjiżna.

Id-dmir tagħna hu li nwasslu dawn il-preokkupazzjonijiet biex jittieħdu l-miżuri neċessarji ħalli nindirizzawhom qabel ma jkun tard wisq. “F’dawn il-jiem rajna u qrajna rapport wara l-ieħor fuq il-parti l-kbira tal-gazzetti lokali, ilkoll mimlija kummenti u opinjonijiet dwar kemm għoliet u qed tkompli togħla l-ħajja, ġurnata wara l-oħra.

“Qed jixhed biċ-ċar kemm kienet f’waqtha l-kritika li għamilna waqt id-diskussjoni tal-baġit fejn ikkundannajna l-għotja ta’ €1.75 għall-għoli tal-ħajja.

“Irrid ngħid, li barra din iż-żieda miżera, kien hemm numru ta’ miżuri addizzjonali ntiżi biex jgħinu dawk il-familji l-aktar fil-bżonn. Minkejja dan, huma proprju dawk li qed jirċievu dawn il-benefiċċji addizzjonali li l-aktar li qed isibuha diffiċli jlaħħqu maż-żieda sfrenata fil-prezzijiet,” qalet Maria Deguara.

Hi kompliet li studji juru li l-ikla ta’ kuljum ta’ dawk il-familji l-aktar fix-xifer tal-faqar u allura dawk fostna l-aktar fil-bżonn ta’ għajnuna, hi bbażata fuq il-konsum ta’ karboidrati aktar milli ikel ta’ kwalità.

L-ikel tipiku ta’ madwar erbgħin fil-mija tal-Maltin, jew aħjar ta’ madwar 200,000 fostna, jikkonsisti fil-parti l-kbira fil-konsum ta’ ħobż, għaġin, ħalib, ġobon u zokkor. Sfortunatament din il-kwalità ta’ ikel tikkontribwixxi bil-kbir għar-rata għolja ta’ obeżità li tifni l-poplu tagħna.

Maria Deguara fissret li minkejja dan, huma proprju dawn l-oġġetti li qed jogħlew minn ġurnata għall-oħra. Ikel tajjeb għas-saħħa bħall-ħut, laħam u ħaxix frisk dejjem kien aktar għoli u l-ebda żieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa ma qatt tista’ tippermetti li dawn jibdew jinxtraw ta’ kuljum.

Aħseb u ara kemm jistgħu jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja dawk li minħabba mard jinħtieġu dieta speċjali.

“L-istess qed naraw żidiet fil-prezz tal-mediċini li għal raġuni jew oħra mhumiex fuq il-formolarju.”

Bl-iżvilupp mgħaġġel tal-mediċina regolarment jidħlu fis-suq numru ta’ mediċini ġodda li jaħdmu ħafna aħjar min dawk li għandna llum.

“Nifhem li l-Gvern ma jistax ibiddel il-formolarju ta’ kuljum iżda bl-introjtu li għandhom, il-maġġoranza tal-anzjani tagħna huma l-ftit li jistgħu jixtru dawn il-mediċini tant utli għal mard cardiovaskulari, pulmonari u oħrajn. Mediċini oħra għoljin bħal dawk tal-osteoporosi, minkejja li kienu mwiegħda ripetutament fil-baġit sena wara l-oħra għadhom mhumiex disponibbli għall-pubbliku u allura jkollhom jinxtraw minn dawk li għandhom bżonnhom, primarjament il-parti l-kbira tagħhom anzjani. Għal dawk li jagħżlu li jixtruhom, ifisser tnaqqis akbar mill-ftit li jkollhom.

“Qed naraw mediċini jogħlew anke dawk komuni u li l-aktar li jintużaw bħal dawk li jbaxxu d-deni fit-tfal, vitamini li jsaħħu n-nervituri, qratas tal-kostipazzjoni, pilloli taz-zokkor, sprejs biex jiftħu l-imnieħer tal-kbar, pilloli tal-uġigħ ta’ ras, adhesive paste tad-dentatura u oħrajn,” qalet Maria Deguara.

Kulħadd illum jaċċetta li hemm bżonn urġenti li tinbidel il-formola ta’ kif għandna nikkalkolaw iż-żieda għall-għoli tal-ħajja.

Maria Deguara fissret li hu stmat ukoll li l-affarijiet tal-ikel jiffurmaw madwar għoxrin fil-mija tal-basket li fuqu tiġi kkalkulata l-COLA. Ekonomista prominenti qed ibassar jew aħjar qed iwissi li l-prezz ta’ affarijiet fost l-aktar bażiċi mistenni li jibqa’ tiela’ fix-xhur li ġejjin, almenu sas-sajf li ġej.

Mela faċli tikkonkludi li dawk fostna li qed isibuha diffiċli jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja llum se jkomplu jsibuha dejjem aktar iebsa jiżguraw kwalità ta’ ħajja għalihom u għal uliedhom.

Maria Deguara saħqet li ħadd ma kien qed ibassar dak li għaddejna minnu tul l-aħħar sentejn. Bħala gżira żgħira kulma jiġri madwarna jolqotna ferm aktar milli jolqot pajjiżi kbar.

Kmieni mal-miġja tal-Covid, ħadd ma kien joħlom kif se jogħla t-trasport lejn il-gżejjer tagħna. Ħadd qatt ma basar l-iskarsezza ta’ materja prima jew kemm kellha tonqos ir-rata tal-manifattura minħabba li numru kbir ta’ ħaddiema spiċċaw kwarantina.

“Dan kollu qiegħed magħna llum. Iżda lanqas ma ġie fuqna f’daqqa waħda. Ilu ġej kważi sentejn u allura kellna ċans biżżejjed nippreparaw ruħna għalih. Kollox kien qed jindika li l-ħajja kienet se togħla bil-kbir. Allura meta stajniex anteċipajna dan l-għoli?”

Hi kompliet li għall-ewwel darba mill-gwerra ’l hawn, il-piż tal-għoli tal-ħajja u ż-żidied fil-prezzjijiet ta’ affarijiet essenzjali qed iħossuh saħansitra dawk li meqjusin bħala l-middle class fosthom numru ta’ sidien u ħaddiema tal-SMEs.

“Jinħtieġ li b’responsabbiltà nibżgħu għal kull ewro li nonfqu u niżguraw li dawn jaslu għand min verament għandu l-aktar bżonn,” wissiet Maria Deguara.

Kulħadd qed isibha dejjem aktar diffiċli jżomm il-kwalità ta’ ħajja li kien imdorri jgħix qabel, temmet Maria Deguara.