Futbol Sport

Rebħiet konvinċenti għal Juventus u Napoli

(Ritratt: EPA)

Juventus telgħu fir-raba’ post tal-klassifika meta f’darhom għelbu lil Verona bl-iskor ta’ 2-0. Kien l-akkwist il-ġdid Dusan Vlahovic li fetaħ l-iskor fit-13-il minuta meta minn pass ta’ Paolo Dybala, is-Serb qabbeż minn fuq il-goalkeeper u xeħet fix-xibka għal 1-0. It-tieni gowl wasal fil-61 minuta meta minn pass ta’ Alvaro Morata, kien akkwist ieħeor Denis Zakaria li kkonkluda fix-xibka għal 2-0.

Napoli saħħew posthom fit-tieni post tal-klassifika b’rebħa ta’ 2-0 fuq Venezia. Napoli issa jinsabu punt taħt Inter b’52 punt. Napoli marru fil-vantaġġ fid-59 minuta meta minn cross ta’ Matteo Politano kien Victor Osimhen li daħal tajjeb bir-ras u xeħet fix-xibka għal 1-0. Biex fl-10 minuta tal-ħin mogħti żejjed kien Andre Petagna li rreaġixxa qabel id-difiża ta’ Venezia għal skor finali ta’ 2-0.

Sampdoria kisbu rebħa kbira ta’ 4-0 fuq Sassuolo biex b’hekk telgħu fis-16-il post tal-klassifika bi 23 punt. Huma fetħu l-iskor fil-5 minuta meta minn cross ta’ Antonio Candreva kien Francesco Caputo li xeħet fix-xibka għal 1-0. Sampdoria rdoppjaw żewġ minuti wara meta x-xutt ta’ Manolo Gabbiadini kienet salvat mill-goalkeeper ta’ Sassuolo bi Stefano Sensi japprofitta u jitfa’ fix-xibka għal 2-0. Sampdoria skorjaw it-tielet gowl tagħhom fit-63 minuta meta minn cross għal darb’oħra ta’ Candreva kien Andrea Conti li kkonkluda fix-xibka għal 3-0. Sampdoria żiedu r-raba’ gowl fid-90 minuta meta kien Antonio Candreva li mill-ħdax-il metru ma żbaljax għal 4-0.

SERIE A

Ilbieraħ: Roma v Genoa 0-0, Inter v Milan 1-2, Fiorentina v Lazio 0-3
Illum: Atalanta v Cagliari 1-2, Bologna v Empoli 0-0, Sampdoria v Sassuolo 4-0, Venezia v Napoli 0-2, Udinese v Torino 2-0, Juventus v Verona 2-0 Għada: Salernitana v Spezia 8.45pm