Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ pajjiżna mhi tajba xejn u esperti fl-ekonomija qed ibassru żminijiet diffiċli mhux biss għall-ekonomija ta’ pajjiżna, iżda għall-Kaxxa ta’ Malta hekk kif skont previżjonijiet tal-gvern stess, id-dejn pubbliku akkumulat sal-2024 se jkun qed jaqbeż l-€10.5 biljun.
Din hi ċifra li tikkontrasta ħafna ma’ kif kien id-dejn pubbliku akkumulat sal-2019 meta dan kien jammonta għal total ta’ €5.3 biljun.
Din is-sitwazzjoni tfisser li filwaqt li f’55 sena sħaħ – mill-kisba tal-Indipendenza fl-1964 sal-2019 – id-dejn pubbliku akkumulat dejjem inżamm taħt kontroll, f’temp ta’ ħames snin biss – bejn l-2020 u l-2024 – id-dejn pubbliku akkumulat se jisplodi għal ċifri li qatt ma rajna bħalhom f’pajjiżna u li jistgħu jpoġġu lill-istess pajjiżna f’diffikultajiet finanzjarji mill-aktar serji.
Esperti finanzjarji li matul il-jiem li għaddew tkellmu ma’ Il-Mument, qalu li jekk wieħed jalalizza x’ġara f’dawn l-aħħar snin isib li fl-2020 pajjiżna kellu defiċit ta’ kważi 10%… preċiżament 9.7%. Tajjeb li jkun spjegat li dan id-defiċit kien wieħed mill-ogħla defiċit fost il-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea.
Fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2021, id-defiċit f’pajjiżna żdied u kien jammonta għal aktar minn 11%. Dan meta l-Eks Ministru Edward Scicluna – li llum qed jimpala l-għexieren tal-eluf tal-ewro bħala l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali waqt li ismu jibqa’ taħt il-lenti ta’ investigazzjonijiet – kien bassar li matul dik is-sena pajjiżna se jkollu defiċit ta’ 5.9%.
Barra minn hekk, għal din is-sena l-Gvern qed jistma li se jkollna defiċit ta’ 5.6%. Iżda fl-istess diskors tiegħu tal-Baġit, il-Ministru Clyde Caruana qal li dan jista’ jkun xi ftit ogħla u jilħaq is-7%.
Għas-sena 2023 il-Gvern qed ibassar li se jkollna defiċit ieħor li jkun jammonta 4.4% u għas-sena 2024 il-Gvern qed ibassar defiċit ta’ 3%.
L-esperti li tkellmu ma’ Il-Mument fissru li f’termini assoluti jirriżulta li fl-2020 id-defiċit kien qabeż il-biljun ewro u kien jammonta għal €1.4 biljun.
Għall-2021 il-Gvern kien bassar li se jkollna defiċit ta’ €750 miljun iżda fil-fatt spiċċajna b’defiċit ta’ €1.5 biljun. Din is-sitwazzjoni tfisser li f’sentejn kellna defiċit ta’ kważi €3 biljun.
Imbagħad għal din is-sena 2022 il-Gvern qed jipproġetta li se jkollna defiċit li se jaqbeż is-€730 miljun. Jekk it-tbassir tal-Gvern se jkun rivedut għal 7%, allura se jkollna defiċit li jmiss il-biljun ewro.
Imbagħad għas-sena d-dieħla, l-2023, hu stmat li se jkollna defiċit ta’ €700 miljun, u fis-sena ta’ wara, l-2024, id-defiċit hu stmat li jkun viċin il-€500 miljun.
Dan kollu qed jirriżulta mit-tbassir tal-Gvern u allura dan ix-xenarju jfisser li bejn is-sena 2020 u l-2024 – f’ħames snin biss – il-Gvern se jkun għamel defiċit ta’ aktar minn €5 biljun!
Tajjeb li jkun ippreċiżat li qatt fl-istorja ta’ pajjiżna u f’perjodu daqstant qasir ma kellna defiċit ta’ dawn l-ammonti daqstant preokkupanti.
Jekk wieħed iħares lejn id-dejn pubbliku akkumulat kollu allura jsib li filwaqt li fl-2019 dan kien ilaħħaq il-€5.3 biljun, fis-sena 2024 dan se jkun ilaħħaq għal €10.6 biljun u anki aktar. Bi ftit matematika faċli wieħed isib li d-dejn pubbliku akkumulat se jirdoppja f’perjodu qasir ta’ ħames snin.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju, fissru l-esperti li tkellmu ma’ Il-Mument, wieħed irid jara diversi fatturi mill-aktar importanti, fosthom:
• X’inhu u x’se jkun l-impatt tal-Grey Listing fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna?
• X’se jkun l-impatt fuq l-ekonomija u d-dħul ta’ pajjiżna tal-minimun corporate tax?
• X’inhu u x’se jkun l-impatt tal-falliment tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta?
Naturalment dan ix-xenarju se jkollu diversi impatti fuq pajjiżna, inkluż fuq il-prezzijiet tal-Malta Government Stocks.
Dwar il-kwistjoni tal-Covid-19, l-esperti finanzjarji fissru li fil-verità l-Gvern iħobb jaħbi dan il-falliment finanzjarju billi jsemmi l-Covid-19 u l-għajnuna finanzjarja li qed jagħti lill-intrapriżi biex ikunu salvati l-impjiegi u biex iżommu fuq saqajhom in-negozji.
Imma r-raġunijiet għal dawn id-djun u għal dawn id-defiċit huma diversi u m’għandhom x’jaqsmu assolutament xejn mal-Covid-19.
Fosthom hemm il-fatt li d-dħul tal-Gvern issa ilu jonqos għal diversi snin… sa minn qabel ma pajjiżna nltaqat mill-pandemija.
L-iżball tal-Gvern kien li kien qed jibbaża wisq fuq id-dħul tal-miljuni mill-bejgħ tal-passaporti. Hekk kif pajjiżna tħammeġ f’dan ir-rigward, il-bejgħ tal-passaporti beda jonqos ukoll għaliex inqas u inqas huma dawk il-persuni li jridu jinvestu f’pajjiż li għandu r-reputazzjonijiet marbuta mal-korruzzjoni istituzzjonalizzata u l-abbuż tal-poter.
Sadattant wieħed ma jridx jinsa l-ispiża bla rażan tal-Gvern hekk kif rema l-prinċipji kollha tal-prudenza fl-infiq finanzjarju mill-Kaxxa ta’ Malta.
“Tajjeb li hawnhekk wieħed ifisser ftit x’jiġifieri nfiq bla rażin. Għaliex l-ebda Prim Ministru, Ministru, Segretarju Parlamentari, Chairman ta’ xi Awtorità jew Segretarju Permanenti ma jkun qed iberbaq minn butu. Dawn mhumiex kapriċċi li xi ras kbira qed tagħmel tajjeb għalihom hi. Iżda dawn huma nfieq mill-Kaxxa ta’ Malta, jiġifieri mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi. Dawn huma nfiq li l-Kaxxa ta’ Malta ddaħħal minn fuq il-poplu li flok qed ikunu investiti biex jirrendu fil-futur, qed ikunu mberbqa biex jistagħnew il-ftit u ta’ madwarhom, fosthom il-miijet ta’ persons of trust li l-Gvern daħħal fid-diversi Ministeri u li qed jitħallsu l-belli ewro.”
Din l-ispiża bla rażan tinkludi wkoll il-kuntratt skandaluż li l-Gvern għamel minn wara dahar kulħadd mal-Vitals biex inbiegħu tliet spartijiet pubbliċi. Il-Gvern sa vvota fil-Parlament fil-ġranet li għaddew biex jgħaddi s-somma ta’ €70 miljun oħra lil Steward. Somma eżorbitanti oħra għal din is-sena biss.
Imbagħad għandek sitwazzjoni oħra fejn dawn qed jonqsu – anzi qed jirrifjutaw – milli jħallsu l-miljuni ta’ ewro dovuti għall-kaxxa ta’ Malta. U l-Gvern jibqa’ passiv quddiem dan kollu.
Iżda sinifikattiva kienet it-theddida li l-Ministru Clyde Caruana għamel fil-jiem li għaddew fil-konfront tan-negozjanti meta wissihom li għad irid jiġi żmien li jdur fuqhom biex jiġbor mingħandhom it-taxxi!
Is-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument qalu li tassew li dan hu Gvern li jippremja lil min jevadi t-taxxi iżda mbagħad jinżel bis-saħħa fuq in-negozjanti biex jagħrbel minn fejn ġabu l-ġid li għandhom.
“Għandu raġun biex ibiegħ l-opinjonista Desmond Zammit Marmara jikteb li: “Permezz tal-Avviż Legali 419 tal-2021, il-Gvern Laburista introduċa miżura ġdida li biha dawk kollha li għandhom l-arretrati tat-taxxa jkunu jistgħu jħallsuhom billi jbigħu xi bini propjetà tagħhom u fuq dan il-bejgħ ma jħallsux taxxi. Jiġifieri jekk għad għandek tħallas xi taxxi u anke weħilt xi penali minħabba d-dewmien tiegħek biex tħallashom, tista’ tbigħ xi bini propjetà tiegħek u milli ddaħħal tħallas it-taxxi pendenti. Min-naħa tiegħu, il-Gvern ma jintaxxakx fuq il-bejgħ tal-propjetà u anke jaħfirlek il-penali li tkun weħilt għax ma ħallastx it-taxxi fil-ħin.
“Dan hu Avviż Legali maħsub biex jaġevola lil dawk l-iżviluppaturi li ma jħallsux it-taxxi dovuti lill-Istat u, minflok, jużaw dawn il-flejjes biex jinvestuhom fil-propjetà. B’din il-miżura l-Gvern qiegħed jippremjahom għall-abbużi tagħhom. Imma ara aħna, il-kumplament tal-popolazzjoni, aħna rridu nħallsu sal-inqas ċenteżmu għaliex aħna mhux bħall-iżviluppaturi, għandna l-propjetajiet li nistgħu nbigħu.”
Huma temmew li f’dawn id-disa’ snin ta’ Gvern Laburista l-pajjiż għadda minn ħafna skandli finanzjarji, inkluż dak tal-Electrogas, l-imtieħen fil-Montenegro, it-tberbiq bl-addoċċ fl-infrastruttura tat-toroq… Għal din il-lista li ma tintemm qatt għandu jagħmel reazzjoni biss il-poplu Malti bil-vot tiegħu.
//= $special ?>