Futbol Sport

Senegal jegħlbu lill-Eġittu fil-finali u jirbħu t-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani

Is-Senegal rebħu t-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani meta wara l-għoti tal-penalties għelbu lil Eġittu fil-finali. Dan hu l-ewwel suċċess għas-Senegal f’din il-kompetizzjoni. Matul id-90 minuta kien s-Senegal l-aktar viċin li jiskorjaw meta fis-7 minuta Sadio Mane ra l-penalty tiegħu salvat tajjeb mill-goalkeeper Mohamed Abou Gabal. Bil-partita tintemm fi draw ta’ 0-0 wara l-120 minuta iż-żewġ timijiet marru għall-għoti tal-penalties.

Kalidou Koluibaly skorja għas-Senegal b’ Zizo jagħmel l-istess għal Eġittu. Abdoi Diallo reġa’ tefa’ s-Senegal fil-vantaġġ b’Mohammed Abdelmonem tal-Eġittu jara x-xutt tiegħu jaħbat mal-lasta. Bouna Sarr ra l-penalty tiegħu salvat għas-Senegal b’Marwin Hamdi għal Eġittu jitfa’ ġewwa. Bamba Dieng skorja għas-Senegal b’Mohanad Lasheen jara x-xutt tiegħu salvat minn Edouard Mendy. Il-penalty deċiżiv kien skorjat mill-attakkant ta’ Liverpool Sadio Mane biex ta l-ewwel suċċess lis-Senegal fit-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani.

TAZZA TAN-NAZZJONIJIET AFRIKANI

Finali: Senegal v Eġittu 0-0 (4-2)