Fl-aħħar stħarriġ tal-ġurnal MaltaToday li kien ippubblikat fil-ħarġa tal-Ħadd, il-Partit Nazzjonalista kompla jżid fl-appoġġ.
Dan hekk kif l-appoġġ żdied b’madwar 6% f’inqas minn xahar għal 32.4% filwaqt li kompliet ukoll tiżdied il-fiduċja fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, b’5%, għal aktar minn 30%.
Dan ifisser li f’temp ta’ 3 ġimgħat il-Partit Nazzjonalista rkupra 10,000 vot, bil-fiduċja fil-Partit tal-Labour u fil-Prim Ministru Robert Abela tkompli titnawwar ftit ftit…bid-distakk issa jonqos għal 35,700.
L-istħarrġ mwettaq bejn il-31 ta’ Jannar u l-4 ta’ Frar, jixhed li l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista u l-messaġġ tal-Kap tal-Partit Bernard Grech qiegħed jasal fid-djar taċ-ċittadin madanakollu l-ħidma ċertament għad trid tkompli..bit-tiġrija għadha biss fil-bidu.
Skont l-istħarriġ huma aktar minn 60,000 persuna dawk li għadhom ma jafux lil min se jivvotaw – b’Bernard Grech fdat aktar minn Robert Abela fi tlieta minn sitt reġjuni.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed igawdi wkoll il-fiduċja sħiħa mill-pensjonanti, bil-fiduċja fil-Partit Laburista qalb il-persuni ta’ ‘il fuq minn 65 sena tkompli tonqos, bl-analisti jisħqu li dan huwa frott iż-żieda qawwija fil-prezzijiet.
Dan filwaqt li ġie nnotat li għall-ewwel darba f’diversi xhur hemm aktar votanti solitament Laburisti li qed jixħtu ħarsithom lejn il-Partit Nazzjonalista. Dan hekk kif 3% ta’ dawk li vvottaw Labour fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 issa qed jisħqu li la darba tasal elezzjoni issa huma jivvotaw lill-Partit immexxi minn Bernard Grech.