Internazzjonali

Ukrajna: Tikber il-kapaċità tar-Russi għal invażjoni

Uffiċjali tal-Istati Uniti qed iwissu li r-Russja għandha kapaċità ekwivalenti għal 70 fil-mija biex tinvadi lill-Ukrajna bil-mezzi militari kollha. Dan meta l-probabbiltà ta’ invażjoni kapaċi ssir realtà almenu sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

L-uffiċjali li ma kenux identifikati qalu li l-artijiet tal-Ukrajna u r-Russja għandhom jiffriżaw u jsiru aktar iebsa min-nofs Frar – u fejn l-elementi għandhom jippermettu aktar lill-Armata Russa biex tmexxi t-tankijiet tal-gwerra u tipi oħra ta’ tagħmir militari tqil.

Ir-Russja diġà stazzjonat ‘il fuq minn 100,000 truppi – flimkien ma’ karrijiet armati u qawwiet tal-ajru – mal-fruntiera tal-Ukrajna. Fl-istess ħin, Moska kompliet tirrepeti l-istqarrija li ‘mgħandhiex il-ħsieb li tattakka lill-ġar’.

L-uffiċjali Amerikani inkwistjoni ma ressqux il-provi għal din l-evalwazzjoni u sostnew li l-informazzjoni tagħhom ibbażat ‘fuq id-data sigrieta u sensittiva’.

L-istess uffiċjali tennew li ma jafux jekk il-President Russu, Vladimir Putin, iddeċidiex li ‘jirrikorri bilfors’ għal azzjoni militari fil-konfront tal-Ukrajna u meta, skont huma, għadha possibbli soluzzjoni diplomatika għall-kriżi.

Madankollu, l-uffiċjali wissew li invażjoni tal-Ukrajna (mill-militar Russu) kapaċi tikkaġuna sa 50,000 mewta ta’ ċivili – u fejn ir-Russi jistgħu jaħtfu l-kontroll fil-kapitali Kiev fi kwistjoni ta’ ġranet. Riżultat ieħor ta’ invażjoni għandha tkun kriżi ta’ refuġjati ġdida fl-Ewropa, b’miljuni ta’ nies jaħarbu miz-zona ta’ gwerra.