Futbol Sport

Andrei Agius jirtira mit-tim nazzjonali wara karriera ta’ aktar minn 16-il sena

(Ritratt: Mark Zammit Cordina)

Id-difensur ta’ Hibernians Andrei Agius ħabbar li se jkun qed jirtira mit-tim nazzjonali Malti wara karriera ta’ aktar minn 16-il sena. Agius iddebutta mat-tim nazzjonali Malti fil-25 ta’ Frar fl-2006 fit-telfa ta’ 2-0 kontra l-Moldova, f’partita valida mill-Malta International Football Tournament. Id-difensur ta’ 35 sena lagħab 102 partita mat-tim nazzjonali filwaqt li skorja 6 gowls.

F’konferenza lill-media Agius irringrazzja lill-president tal-MFA Bjorn Vassallo li tah l-appoġġ tiegħu sa mill-bidu tal-karriera tiegħu professjonali. Agius irringrazzja wkoll id-diversi coaches li mexxew it-tim nazzjonali Malti matul il-karriera tiegħu. Andrei Agius kien ukoll il-captain tat-tim nazzjonali Malti għall-aħħar snin u se jkun qed jilgħab l-aħħar logħba tiegħu f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Azerbaijan fil-25 ta’ Marzu.

Andrei Agius mistenni jibqa’ involut fit-tim nazzjonali fi rwol differenti, bid-difensur Malti mistenni jkompli jilgħab fil-Kampjonat BOV Premier ma’ Hibernians.