Internazzjonali

Covid-19: L-Awstralja se tiftaħ il-fruntieri wara kważi sentejn ta’ miżuri riġidi

L-Awstralja ħabbret li se tiftaħ il-fruntieri għat-turisti mlaqqmin kontra l-Covid u għal oħrajn fil-pussess tal-visa. Il-ftuħ mill-ġdid tal-fruntieri se jsir fil-21 ta’ Frar u meta l-miżura qed issir wara kważi sentejn. Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison qal li qed jieħu pjaċir li jista’ jilqa’ lura lin-nies li ħadu t-tilqima doppja kontra l-Covid, bil-ftuħ imminenti tal-fruntieri qed jintlaqa’ tajjeb minn diversi setturi, inklużi l-oqsma b’konnessjoni mal-edukazzjoni internazzjonali.

L-Awstralja, fl-aħħar xhur, implimentat uħud mill-aktar kontrolli riġidi mal-fruntiera fid-dinja u li spikkaw fl-agħar żmenijiet tal-pandemija.

Il-Gvern Awstraljan kien għalaq l-aċċessi għall-Awstralja f’Marzu tal-2020 u deċieda li jipprojbixxi d-dħul fil-pajjiż għall-maġġoranza tal-barranin. Kienu anki imposti l-limiti għan-nies li setgħu jaslu l-Awstralja minn barra bil-għan li l-awtoritajiet jimplimentaw miżuri aktar effettivi kontra l-Covid.

Intant, hu minnu li numru ta’ studenti internazzjonali u immigranti bis-sengħa ilhom minn Diċembru bil-permess li jidħlu l-Awstralja. Iżda l-Prim Ministru Morrison qal li kulmin jidħol l-Awstralja ladarba jinfetħu l-fruntieri ikun irid jippreżenta provi tal-vaċċinazzjoni. Dan waqt li hu għamilha ċara li r-regola hi waħda konkreta u għandha tkun irrispettata minn kulħadd.

In-nies fil-bżonn li jivvjaġġaw u li jkollhom raġuni medika għalfejn ma ħadux it-tilqma xorta jridu japplikaw għal eżenzjoni u — jekk jirnexxilhom — iridu jqattgħu żmien f’lukanda taħt kwarantina.

L-Awstralja, is-sena l-oħra, ipprojbiet li ċ-ċittadini tagħha jsiefru barra l-pajjiż u bħalissa, l-Istat ta’ Western Australia xorta qed jinsisti bil-miżuri riġidi relatati mal-pandemija, minkejja li l-parti kbira tal-pajjiż qed jerġa’ jiftaħ diġà għall-movimenti tan-nies. Fil-fatt, l-Istat ta’ Western Australia hu magħluq għall-persuni li ma jgħixux hemmhekk, inklużi n-nies mill-Istati l-oħra tal-Awstralja dment li dawn ma jkollhomx il-permess biex jidħlu.

Skont id-data tal-Università ta’ Johns Hopkins, l-Awstralja, sallum, irrappurtat ‘il fuq minn 2.7 miljun każ tal-coronavirus u aktar minn 4,240 mewta relatati mal-pandemija.Dan meta kważi 80 fil-mija tal-popolazzjoni Awstraljana ngħatat it-tilqima sħiħa kontra l-Covid.