- id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, li kien qed jitkellem fit-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Produzzjoni tal-Petroleum, qal li hu importanti ħafna li pajjiżna jisfrutta sew ir-riżorsi naturali li għandu madwaru.
F’din il-liġi l-Oppożizzjoni temmen li l-awtorità finali ma għandhiex tkun f’idejn il-Ministru biss, iżda għandu jkun hemm struttura li tanalizza l-liċenzji dwar l-esplorazzjoni u t-tħaffir.
Malta hi l-uniku pajjiż fejn hu l-Ministru waħdu li jagħti dawn il-liċenzji. Pajjiżna m’għandux in-National Geografical Service u dan m’għandux ikun għaliex m’għandux ikun il-Ministru li jagħti l-liċenzja u li jirtira l-liċenzja.
Kumpaniji serji taż-żejt ma jħarsux lejn dan ix-xenarju bħala xi ħaġa serja u għalhekk il-proposta tal-Oppożizzjoni hi li jitwaqqaf National Geografical Service kif għandhom il-pajjiżi l-oħrajn. Dan is-Servizz għandu jiġbor id-data kollha relatata mas-suġġett u hawn id-data hi waħda mill-aktar vasta u kbira. Biżżejjed jingħad li l-blata kontinentali ta’ Malta hi ta’ daqs enormi… tliet darbiet akbar minn Sqallija.
Dan is-Servizz għandu jirreklama l-potenzjal ta’ pajjiżna biex hekk nimmassimizzaw ir-riżorsi li għandu pajjiżna. Malta għandha seba’ żoni li jiffurmaw il-blata kontinentali. Minnhom hemm żewġ żoni biss li fihom inħarġet liċenzja għal studji siżmiċi. Madankollu l-kumpanija li ngaħtat din il-liċenzja sa issa għadha ma ħaffret l-ebda bir wieħed.
Il-blata kontinentali ma hix massimizzata u tajjeb li ż-żewġ naħat tal-Kamra jaħdmu id f’id biex naraw x’hemm bżonn isir f’dan ir-rigward.
Dan l-Abbozz ta’ Liġi għandu jagħti l-opportunità ħalli jingħata impetus ġdid għat-tiftix għaż-żejt madwarna.
Hu minnu li erbgħin fil-mija tal-blata kontinentali tagħna hi kontestata minn ġirien tagħna, iżda dan m’għandux itellifna milli nirreġistraw aktar progress fl-impenn tagħna li jsir tiftix għaż-żejt.
//= $special ?>