Lokali Parlament

Il-gvern falla fil-kwalità tal-ħajja u quddiem il-faqar

Beppe Fenech Adami, PN

Iid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal fil-parlament li l-gvern falla fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu u quddiem l-faqar.

Beppe Fenech Adami tkellem dwar l-akkomodazzjoni soċjali u qal li fil-pajjiż għad hawn problema kbira ta’ kwalità ta’ djar. Hu spjega kif kienu gvernijiet Nazzjonalisti li bnew ħafna djar soċjali sa minn snin twal ilu u sostna li fl-2013 l-PL kien wiegħed li se jqasam id-djar lin-nies.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li minkejja din il-wiegħda l-Gvern Laburista ma żammx kelmtu biex fl-elezzjoni tal-2017, il-PL reġa’ lagħab l-istess karta u reġa’ wiegħed id-djar għax qalu li kellhom il-proġetti.

Għall-Gvern Laburista l-akkomodazzjoni soċjali mhix prijorità tant li fl-aħħar 10 snin l-gvern ma bena l-ebda blkokka appartamenti għal min verament għandu bżonn. Issa li riesqa l-elezzjoni ġenerali, il-gvern Laburista m’għandux ikollu l-ardir li jerġa’ jisraq il-vot tal-elettorat.

Beppe Fenech Adami qal li l-gvern qed jibbaża l-politika tiegħu fuq il-klijenteliżmu. Dan qed isir mill-ministri Laburisti kollha, sostna Beppe Fenech Adami, li qal li l-gvren Laburista kien iktar iffukat fuq dawk li m’għandhomx bżonn milli min verament għandu bżonn.

Hu falliment li fil-pajjiż hawn iktar minn 300 persuna li m’għandhomx fejn jorqdu. Beppe Fenech Adami semma’ l-Kċina tas-Soppa li jmexxu l-Franġiskani fil-Belt li minnu jieklu mijiet ta’ nies. F’erba’ xhur marru 30,000 persuna biex ituhom xi ħaġa x’jieklu; dawn huma n-nies li l-PL nesa. Bil-€100 li se jagħti l-gvern il-ħajja ta’ dawn il-persuni mhix se tinbidel. Hemm ukoll 8,600 persuna li jmorru jitolbu x’jieklu għax m’għandhomx ikel.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern qed jattwa politika bla ruħ anzi jinsolentawh billi jtuh €100. Hu kompla li hawn 3,000 li jgħixu f’garaxx; niċċa ġdida kif jgħix il-poplu Malti.

Dan filwaqt li l-gvern jaqdi lil ta’ madwaru bl-eluf fosthom liċ-Chief of Staff tal-Ministru Chris Fearne li ngħatat €163,000 fis-sena biex tmexxilu l-kampanja elettorali. Kurt Farrugia tawh €180,000 fis-sena biex issa jinsab lura fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista biex imexxi l-kampanja elettorali Laburista. Il-Ministru Edward Scicluna qed jgħatti kemm ingħatat persuna viċin il-Ministru Edward Scicluna. Lil Edward Scicluna tah madwar €150,000 fis-sena u żied il-paga. Kif jistgħu dawn jindirizzaw il-problemi soċjali fil-pajjiż.

Beppe Fenech Adami semma’ l-mod kif ħaddiema barranin ikunu sfruttati billi jgħixu f’numri kbar f’appartamenti komuni. Il-gvern iddeċieda li ma jindirizzax il-faqar bis-serjetà, sostna Beppe Fenech Adami, li qal li l-pajjiż għandu bżonn politika fiskali reali għax anki hawn il-gvern Laburista falla.

Il-gvern Laburista falla għax ma ħoloqx setturi ekonomiċi ġodda kontrarjament għal dak li wettaq gvern Nazzjonalista wara l-1987. Hu qal li l-gvern Laburista kisser ir-reputazzjoni ta’ Malta billi biegħ il-passaporti u fallew milli joħolqu l-block chain island. Il-gvern kisser ukoll ir-reeputazzjoni ta’ Malta fis-settur finanzjarju wara li l-pajjiż spiċċa fil-lista l-griża.

Beppe Fenech Adami sostna li l-pajjiż għandu bżonn bidla.