id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo
Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, li kien qed jitkellem fit-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Produzzjoni tal-Petroleum, ħeġġeġ lill-Gvern biex ifittex jara kif joffri lill-bdiewa, lis-sajjieda u lir-raħħala l-fjuwil bi prezzijiet sussidjati.
Tkellem dwar is-sajjieda li fi żmien Gvern Nazzjonalista kienu ngħataw l-opportunità li jixtru l-fjuwil b’mod sussidjat u qal li issa s-sajjieda qed ikollhom jixtru l-fjuwil mingħand kuntrattur privat. Ġara li bħalissa l-pompa li tfornihom bil-fjuwil hi bil-ħsara u x’ġara? Is-sajjieda qed imorru biex jinqdew u ma jistgħux jinqdew. Issa s-sajjieda avviċinaw lill-Ministru u qalulu dwar din il-problema.
F’daqqa waħda ġie l-bowser bil-fjuwil u rrenja kaos sħiħ! U bir-raġun għaliex is-sajjieda marru jiġbru biex jixtru minn dan il-fuwil. Iva anke fi kwistjoni bħal din għandna servizz mhux koordinat? Għaliex il-Gvern qed ifalli anki f’dan il-livell daqstant bażilari?
Edwin Vassallo qal li għaliex is-sajjieda mhux jingħataw il-fakultà li jixtru l-fuwil bl-orħos prezz possibbli? Bħal donnu li l-Gvern mhux veru li jrid jgħin lis-settur tas-sajjieda. Is-settur tas-sajjieda qed inin minn jum għall-ieħor u għalhekk hu impetattiv li l-Gvern tal-ġurnata jgħin lil dan is-settur.
Hu qal li din il-proposta ta’ prezzijiet ridotti għall-fjuwil lis-sajjieda għandha tkun estiża għall-bdiewa u lir-raħħala wkoll. Dawn huma setturi li qed jispiċċaw u għalhekk hu għaqli li l-Gvern jagħtihom l-għajnuna li għandhom bżonn biex jinkoraġġihom fix-xogħol tagħhom.
Hu qal li din hi kwistjoni dwar jekk il-poplu Malti u Għawdxi hu x’se jibqa’ jsib jew le l-ikel frisk. Pajjiżna ma jistax jgħaddi mingħajr l-importazzjoni tal-prodotti tal-ikel, iżda min-naħa l-oħra għandna nagħmlu ħilitna kollha biex l-ikel frisk Malti nħarsuh u nseddquh.
Edwin Vassallo staqsa wkoll dwar kif Wasteserv iddeċidiet li d-demel tat-tiġieġ ma jibqax ikun aċċettat. Għaliex deċiżjoni bħal din? Sa ftit ilu d-demel kien jiswa’ l-flus għaliex kien jinbiegħ. Apparti l-fatt li issa d-demel tat-tiġieġ fejn se jibda jintrema’?
Tkellem dwar id-djar tal-anzjani u qal li tkun idea tajba jekk f’dawn id-djar jiddaħħal il-ħalib Malti. Għaliex m’aħniex kburin bil-prodott Malti u minflok lill-anzjani qed nagħtuhom il-ħalib importat?
//= $special ?>