Lokali

“Il-Gvern għandu jagħti rendikont dwar l-iskandlu tad-deal tat-tliet sptarijiet” – PN

"Dawk kollha li fil-Budget ivvutaw favur il-flus li se jingħataw Steward, huma kompliċi fit-tberbiq u s-serq ta’ flus il-poplu."

Id-deal skandaluż tat-tliet sptarijiet qed iwassal għal stiwazzjoni li qed taffettwa lil kulħadd hekk kif il-poplu Malti u Għawdxi qed jibqa’ jinsteraq il-miljuni.

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina u mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia.

Karol Aquilina għamel referenza għall-artiklu li ġie ppubblikat fit-Times of Malta miktub mill-President ta’ Steward Healthcare li fih tagħti rendikont dwar id-deal tat-tliet sptarijiet.

Huwa spejga kif dan l-artiklu jammetti seba’ affarijiet… fosthom li d-deal ma kienx pjanat sew għax sar mingħajr ħsieb u ma kienx favur il-poplu Malti. Vitals ħolqu kumpaniji biex jgħattu l-abbużi u ma kinu qed iżommu l-ebda kontijiet ta’ dak li kienu qed jonfqu. Ammettew ukoll li Vitals ingħataw il-miljuni ta’ ewro u ħadd mill-Gvern ma kien qed jiċċekja x’qed isir minnhom.  Apparti dan kemm Vitals kif ukoll Steward ma wettqux l-obligazzjonijiet li kienu trabtu li jwettqu… u quddiem dan kollu l-Gvern ma għamel xejn biex huma jwettqu dawn l-obbligazzjonijiet. Għalhekk dan kollu juri li d-deal huwa wieħed li falla kompletament.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-poplu Malti u Għawdxi mhux se jibqa’ jaċetta lil min ma jgħidlux il-verità kollha. Huwa fakkar kif ftit tal-ġranet ilu fil-Parlament tkellem dwar is-seba’ dnubiet li għamlu Vitals u Steward.

Adrian Delia qal li dan il-kuntratt li qed jisraq lill-Maltin, l-ewwel sar minn Vitals u wara għadda għand Steward. Għalhekk l-ammissjonijiet kollha li joħorġu mill-artiklu li kien ippubblikat fit-Times, huma ammissjonijiet li jgħoddu hemm għal Vitals, għal Steward u kif ukoll għall-Gvern.

Huwa saħaq li Steward naqsu milli jwettqu dak li kien mitlub minnhom u matul dan iż-żmien kollu, il-Gvern baqa’ jħallas il-miljuni fis-sena minkejja li ma ħa xejn lura. Adrian Delia qal li dawk kollha li fil-Budget ivvutaw favur il-flus li se jingħataw Steward, huma kompliċi fit-tberbiq u s-serq ta’ flus il poplu.