Coronavirus Kultura Lokali

Il-Gvern jippersisti bil-miżuri inġusti għal setturi tad-divertiment li jinvolvu ‘standing events’’

"Il-Gvern li ilu x-xhur jagħmel il-kalkoli kif jaqbel lilu biss"

Numru ta’ persuni li jiddependu mill-qasam tad-divertiment għall-għixien tagħhom huma urtati talli l-Gvern qed juża dak li huma sejħu bħala ‘miżuri diskriminatorji’ fil-konfront tagħhom .

Huma qed jesprimu rabja li s-sitwazzjoni, għalihom, hi  ferm ‘il bogħod minn ‘business as usual’ u li mhux kulħadd qed ikun trattat bl-istess mod fiċ-ċirkustanzi.

In-nies involuti f’dan is-settur qalu li jħossuhom ittraduti minkejja li huma ħadu l-booster tat-tilqima kontra l-Covid (uħud minnhom kontra qalbhom) bil-wiegħda li “l-opportunitajiet kienu se jkunu indaqs għal kulħadd”. Wiegħda oħra mhix imwettqa min-naħa tal-Gvern hi li l-industrija tagħhom kienet se tieħu spinta ‘il quddiem wara xhur ta’ kwiet u inċertezza.

Il-ħaddiema u nies oħra li għandhom interessi u investiment fis-settur tal-clubs u standing events huma fost dawk li, sallum, għadhom injorati mill-Gvern li bħalissa qed inaqqas mill-miżuri tas-sigurtà relatati mal-pandemija, bħala sforz biex jintgħoġob mal-elettorat.

Iżda anki hawnhekk, jidher li l-Gvern – b’mod partikolari l-Ministeru tas-Saħħa –  qed jaddotta politika ta’ “two wieghts and two measures”, bl-imsemmi settur għadu mgħarraq fl-inċertezza. Dan ukoll meta l-ħaddiema u l-imprendituri ta’ dan is-settur partikulari jinsabu mċaħħdin mid-dritt li jaħdmu minkejja ħafna kliem fieragħ min-naħa tal-Gvern.

Uħud fost in-nies milqutin li xtaqu li jibqgħu anonimi qalu li “waqt li qed ikunu organizzati attivitajiet u avvenimenti fil-miftuħ fejn ir-regoli ftit li xejn qed ikunu mħarsa, jidher li l-miżuri riġidi u inġusti qed jibqgħu applikati akkost ta’ kollox għas-settur tal-live bands u l-kunċerti – settur li ilu wieqaf għal kważi sentejn. Dan meta avvenimenti bħall-Film Awards saru … b’folla kbira ta’ nies preżenti.

L-istess sorsi fis-settur qalu li huma għandhom dritt daqs ħaddieħor li ma jkunux imċaħħdin milli jorganizzaw attivitajiet li għalihom ifissru passjoni u delizzju, b’kumment partikulari jirreferi għall-fatt li huma qed jiffaċċjaw l-inġustizzji min-naħa ta’ Gvern li ilu x-xhur jagħmel il-kalkoli kif jaqbel lilu biss.