Internazzjonali

Il-kriżi tal-Ukrajna: Ifeġġu t-tamiet li l-Ewropa tevita gwerra katastrofika

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, jemmen li kapaċi jintlaħaq ftehim li jevita gwerra totali fl-Ukrajna u li jkollha l-konsegwenzi diretti u traġiċi għall-Ewropa.

U filwaqt li r-Russja għad għandha l-eluf tat-truppi stazzjonati mal-fruntiera tal-Ukajna ( għall-possibbiltà ta’ invażjoni) Macron tenna li ‘hi ħaġa leġittima li r-Russja tesprimi tħassib dwar is-sigurtà tagħha.’

Macron qed ikollu taħdtiet f’Moska mal-President Russu, Vladimir Putin u meta qed jesiġi għal politika li twassal għal ‘bilanċ ġdid’ li jipproteġi lill-Istati tal-Ewropa u li jkun ukoll aċċettabbli għal Moska. Fl-istess ħin, il-Mexxej Franċiż qal li s-sovranità tal-Ukrajna, bħala pajjiż, mhu lok għal ebda diskussjoni jew trattativi.

Sadanittant, ir-Russja – li qed tisħaq li mgħandhiex l-intenzjoni li tinvadi lill-Ukrajna – kompliet tinsisti biex l-Alleanza tan-NATO ma tammetti qatt lill-Ukrajna bħala membru. Domanda oħra hi biex in-NATO tnaqqas il-preżenza militari fl-artijiet tal-Ewropa tal-Lvant.

Madankollu, il-pajjiżi tal-Punent ċaħdu għal dawn id-domandi u, minflok, issuġġerew aspetti oħra għal negozjati mar-Russja – fosthom taħditiet għat-tnaqqis ta’ armamenti nukleari fuq kull naħa.

Min-naħa tiegħu, Emmanuel Macron sostna li ‘ir-Russja mgħandhiex ossessjoni biex tattakka lill-Ukrajna iżda li jkunu ċċarati numru ta’ regoli man-NATO u l-Unjoni Ewropea.’ Hu qed jittama li d-djalogu tiegħu ma’ Putin ikun biżżejjed biex l-Ewropa tevita gwerra ġdida fuq l-għatba tagħha, filwaqt li jemmen li l-President Russu jista’ ikun dispost biex jiddiskuti aktar issues ta’ ċertu sinifikat.

Iżda Macron wissa biex ħadd ma jistenna li r-Russja se taqbad u tieħu l-miżuri unilaterali biex tnaqqas it-tensjoni mal-fruntiera tal-Ukrajna, filwaqt li saħaq li ‘ir-Russja għandha d-dritt biex tesprimi l-preokkupazzjoni tagħha fis-sitwazzjoni preżenti’.

Dan meta Emmanuel Macron ilu jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha ‘tiftaħ id-djalogu tagħha ma’ Moska aktar milli tiddependi fuq l-Istati Uniti’.

Hemm il-pjani biex, wara ż-żjara ta’ Macron f’Moska, il-President Franċiż iżur l-Ukrajna għal taħditiet mat-Tmexxija fi Kiev – bl-impenn qed isir bil-koordinazzjoni mal-Ġermanja u l-Istati Uniti. L-impenn ta’ Macron fuq bażi internazzjonali anki qed isir qabel l-elezzjoni għall-Presidenza Franċiża li hi programmata għal April.

.