Il-VGH kienet f’emerġenza fl-2018, u kien il-Gvern li mar fuq Steward Healthcare biex jieħdu f’idejhom it-tliet sptarijiet. Is-sitwazzjoni marbuta ma’ dan id-deal skandaluż kienet fil-verità agħar minn dak li jafu n-nies.
Hekk tistqarr il-President ta’ Steward Healthcare f’opinjoni ppubblikata fit-Times of Malta, fejn tikkonferma li l-VGH lanqas il-VAT ma kienu jħallsu.
Interessanti l-fatt li l-President ta’ Steward tikkonferma li kien il-Gvern ta’ Joseph Muscat illi fl-2018 mar fuq Steward biex jgħaddu l-isptarijiet għandhom.
Meta kien hemm dan it-trasferiment bejn Vitals u Steward illi eventwalment ħadu t-tliet sptarijiet, kważi €4 miljun marru direttament għand id-ditta Accutor. Dan kien ġie żvelat f’Novembru li għadda mit-Times. U allura, l-istess kumpanija li tat konsulenzi lil Muscat hija dik il-kumpanija li ħadet il-miljuni mingħand Steward Healthcare.
Apparti minn dan kollu, Steward Healthcare stess ikkonfermat mat-Times li d-ditta Żvizzera li ħallset eluf lil Joseph Muscat għal konsulenzi li ta….effetivament irċeviet dawn il-hlasijiet f’isem Vitals Global Healthcare bhala parti mill-ftehim ta’ akkwist tal-isptarijiet.
Intant, fit-Times, il-President ta’ Steward Healthcare qalet illi – skont hi – qed tiġi proġettata immaġini “mhux ġusta” fuq il-kumpanija. U ftaħret bl-investiment li sar; għalkemm imkien ma semmiet Karin Grech jew l-Isptar San Luqa, illi fl-aħħar snin tħallew f’telqa enormi.
//= $special ?>