Mara ta’ 45 sena, bi problema akuta ta’ droga, u li hija magħrufa sew mal-Pulizija u li kienet tabita f’diversi residenzi kellha sentenza ta’ tliet snin u nofs ħabs konfermati mill-Qorti tal-Appell fuq serq ta’ ġojjelli minn dar ta’ anzjana fl-Imsida.
Nathalie Bonello ta’ 45 sena, li l-aħħar li kienet toqgħod kien fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn appellat minn sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati minħabba li qalet li kienet waħda eċċessiva tenut kont tal-ammissjoni bikrija tagħha. Bonello li hija wkoll reċidiva kienet involuta f’diversi serqiet oħra, nstabet ħatja li serqet b’eluf ta’ ewro f’oġġetti ta’ ġojjellerija u deheb.
Ġie spjegat fil-qorti li r-raguni ghaliex l-imputata tressqet quddiem l-ewwel Qorti kienet li bi skema kodarda waqt il-qofol tal-pandemia Covid-19 hi u persuna oħra kienu ħabtu fuq bieb ta’ din l-anzjana, u li Bonello qaltilha li hi u l-ħabiba tagħha kienu jiffurmaw parti mill-‘home care’ u għalhekk staqsewha jekk kellhiex bżonn xi għajnuna. Dan seħħ fis-7 ta’ April li għadda fis-2.15pm.
Ħareġ fil-qorti li minflok l-anzjana ingħatat għajnuna, l-imputata, serqitilha oggetti tad-deheb li l-anzjana kellha fir-residenza tagħha. Il-Qorti kkunsidrat il-kondotta xejn nadifa tal-imputata u li r-reat ġie kommess taħt skema li fih ħadet vantaġġ mill-vulnerabilità ta’ anzjana fl-eqqel ta’ pandemja. Ġie kkunsidrat li Bonello rebħet il-fiduċja tal-istess anzjana u serqitha fi hwejjigha stess;
Il-Qorti tal-Appell qalet li li l-piena mogħtija mill-ewwel Qorti kienet aktar viċina tal-minimu, proporzjonatà u ċertament ma tistax tilmenta dwar is-sentenza. “Jekk trid tieħu bis-serjetà r-riabilitazzjoni tagħha jkun jaqbel lilha li tifli sew r- rapport tal-uffiċċjal tal-probation li fih hemm dikjarazzjoni partikolari li l-Qorti ma tistax tiżvela, minħabba l-kunfidenzjalità imposta mill-Kapitolu 446.
“Hija l-fehma tal-Qorti f’dan il-każ partikolari li Bonello jeħtieġ li tagħmel il-kontijiet mas-soċjetà li għenita għal diversi drabi biex tibda t-triq ta’ riabilitazjoni b’għoti ta’ diversi ordniijet ta’ probation u b’sentenzi sospiżi, izda ma għarfitx tiehu l-opportunità u tisfruttahom għal-ġid tagħha.
“Ix-xoghol li l-imputata qiegħda tiżvolġi ġewwa l-Facilità Korrettiva ta’ Kordin huwa sinjal pożittiv ħafna u l-Qorti tittama li ż-żmien li qed tqatta’ hemm jgħinha fir-riżoluzzjoni tagħha għal-dan iċ-ċiklu negattiv fil-ħajja tagħha”, qal l-Imħallef Giovanni Gristi, li ddeċieda l-appell.
Qabel din is-serqa Bonello kienet ukoll ikkundannata wkoll mill-Qorti tal-Maġistrati fuq każijiet oħra fosthom sentenza ta 30 xahar ħabs wara li ammettiet li wettqet ħames serqiet ta’ ġojjellerija u deheb minn residenzi ta’ ħames anzjani. Il-valur tad-deheb misruq kien ukoll ilaħħaq l-eluf ta’ ewro. Ħafna mid-deheb u ġojjellerija misruqa huwa ta’ valur sentimentali u jmur lura għal għexieren ta’ snin
Bħal każ ta’ serq minn fuq l-anzjana Misidjana, s-serqa saret meta hi u mara oħra (li m’ammettitx l-akkużi) nqdew bil-Coronavirus biex daħlu fil-ħames residenzi tal-vittmi. Kienu saru żewġ serqiet f’Birkirkara, waħda fuq anzjana ta’ 81 sena u oħra fuq anzjana ta’ 92 sena, serqa oħra f’Santa Venera fuq anzjan ta’ 77 sena u oħra fl-Imsida fuq anzjana ta’ 82 sena flimkien mas-serqa tal-anzjana ta’ 79 sena fl-Imsida.
Mill-istħarriġ li sar mill-Pulizija mmexxija mill-Ispettur Jonathan Ransley irriżulta li fil-każijiet kollha, ż-żewġ nisa arrestati allegatament ħabtu fuq ir-residenzi tal-anzjani jgħidulhom li huma impjegati ma’ aġenziji li joffru servizzi lill-anzjani. Waqt li mara tibda’ titkellem mal-vittma, l-persuna l-oħra twettaq is-serqa. Kien hemm każijiet fejn dik li twettaq is-serqa titlob lill-anzjana biex tmur sal-kamra tal-banju.
//= $special ?>