Miġbura s-somma sabiħa ta’ €85,480 waqt programm speċjali li sar f’għeluq snin Eddie Fenech Adami. L-eks Prim Ministru, it-Tnejn għalaq 88 sena.
B’karriera politika ta’ aktar minn 50 sena, Eddie Fenech Adami ħalla marka kbira f’pajjiżna b’politika li ġabet magħha tant bidliet li għadna ngawdu l-frott tagħhom sal-lum.
Matul il-karriera politika tiegħu, Eddie Fenech Adami serva bħala Kap tal-PN fl-Oppożizzjoni, Prim Ministru u anke President ta’ Malta.
Hu daħal fil-politika fl-1961, meta sar President tal-Kumitat Sezzjonali tal-PN f’Birkirkara u wara nħatar membru tal-Kumitat Eżekuttiv. Aktar tard sar Assistent Segretarju Ġenerali tal-Partit u fl-1969 kien elett fil-Parlament, fejn baqa’ jkun elett f’kull elezzjoni sal-2003.
Fenech Adami kkontesta l-elezzjoni għat-tmexxija tal-PN fl-1977 u kien elett fl-ogħla kariga fil-partit wara Ġorġ Borg Olivier, fil-11 ta’ April 1977.
Il-karriera politika tieghu mhux dejjem kienet ward u żahar, tant li d-dar u familtu spiċċaw fil-mira ta’ tkissir u swat fil-15 ta’ Ottubru 1979, f’jum li baqa’ magħruf bħala “it-Tnejn l-Iswed”.
Eddie Fenech Adami mexxa u rebbaħ lill-PN l-elezzjoni ġenerali tal-1981, iżda l-Gvern tal-Labour baqa’ jmexxi …minkejja li ma kellux il-maġġoranza tal-poplu.
Eddie Fenech Adami rebaħ ukoll l-elezzjoni ġenerali tal-1987 u fit-12 ta’ Mejju sar Prim Ministru, fejn baqa’ jservi f’din il-kariga sal-1996. Reġa’ rebaħ l-elezzjoni ġenerali u sar Prim Ministru mill-ġdid fl-1998, fejn baqa’ jservi sal-2004. Fix-xhur ta’ wara, Eddie Fenech Adami serva għal ħames snin bħala President ta’ Malta, sal-2009, biex temm il-karriera tiegħu fix-xena pubblika fl-ogħla kariga tal-pajjiż.
//= $special ?>