Raġel ta’ 55 sena mill-Kalkara ġie mixli quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li lejn l-aħħar tas-sena 2021 ipprova joqtol lil oħtu b’daqqa ta’ karozza. George Degabriele, li ma laqatx lil oħtu bil-karozza għal ftit ċentimetri, ngħata l-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet li jrid josserva.
Il-każ seħħ fit-30 ta’ Diċembru fix-Xgħajra wara ġlieda li nqalgħet bejniethom fil-preżenza tat-tifla tal-allegata vittma. Il-ġlieda kienet fuq proprjetà li kienet mikrija lil oħt l-akkużat. L-argument kien wieħed familjari u li l-allegata vittma trid tgħodda b’waħda li ma sofrietx ġieħi gravi jew addirittura l-mewt.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-11-il akkuża li ġie mixli bihom, li jinkludu attentat ta’ qtil, attentat ta’ feriti gravi, li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq oħtu u bintha, b’sewqan perikoluż u li kiser il-paċi pubblika. Degabriele ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq għadd ta’ kundizzjonijiet.
Dawn jinkludu li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa, ma jsifirx u ma jersaqx lejn l-allegat vittmi. Huwa ġie ordnat ukoll ma joħroġx mid-dar bejn il-11.00 p.m u s-7.00 a.m. Għall-imputat dehru l-Avukati Ishmael Psaila u Maxine Gatt. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat George Camilleri mill-uffiċċju tal-avukat Ġenerali u mill-Ispetturi Audrey Micallef u Clayton Camilleri.
//= $special ?>