Lokali

Abela jikkonferma li min insteraq mill-kontijiet tad-dawl mhux se jitħallas lura

Il-Gvern mhux se jkun qiegħed jagħti lura l-flus misruqa minn but iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma fl-ewwel 8 snin ta’ tmexxija ta’ Gvern tal-Labour.

Dan ikkonfermah il-Prim Ministru Robert Abela t-Tlieta filgħaxija meta kien mistoqsi minn Net News għalfejn ma jridx iħallas lura l-flus dovuti lill-familji u l-ħaddiema, flejjes misruqa minn ħalq l-anzjani u l-ulied.

Minflok Robert Abela għamel u-turn ieħor fejn saħaq li ma jistax jifhem għalfejn qed jingħad li insterqu l-flus mill-kontijiet…skomdu għall-aħħar jisħaq ċar u tond il-verità li l-flus lura ċ-ċittadini mhux se jarawhom.

Dan ifisser li f’diskorsu Robert Abela reġa’ għal darb’oħra qed jinjora l-polz tan-nies, li f’Mejju kienu nġabru quddiem id-Dar Ċentrali jisħqu li kienu qed jinsterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Filwaqt li ma kellu ebda problema jieħu €17,000 fix-xahar minn flus il-poplu, Abela qed isibha ferm diffiċli jħallas dak li huwa dovut liċ-ċittadin mill-flus li nsterqu qabel Jannar 2022. Dan f’ammissjoni tiegħu stess li l-flus misruqa se jingħataw biss fuq il-kontijiet li nħarġu wara l-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena.

Dan ifisser ukoll li f’nifs wieħed il-Prim Ministru għamel u-turn oħra hekk kif ammetta l-kontijiet kienu qed jinħadmu ħażin, għad-detriment tal-poplu.

Anomalija li suppost kellha tiġi rranġata 3 snin ilu, hekk kif kien ammetta wkoll l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat.

Madanakollu jidher li issa min ħallas żejjed fil-kontijiet fl-ewwel 8 snin tal-Labour se jkun qed jibqa b’xiber imnieħer għalkemm skont Abela l-poplu taħt Gvern Laburista … ġemma’ l-miljuni. Fatt ieħor li juri kemm il-Prim Ministu m’għandux idea tar-realtà tal-ħajja li qed jgħixu l-familji Maltin u Għawdxin.