Lokali

Abela u sħabu jibqgħu jaħbu dwar id-deal fjask tal-isptarijiet

L-arroganza ta’ Robert Abela u tal-Ministri sħabu tkompli tikber kull darba li jirriffjutaw li jagħtu rendikont lill-poplu dwar kif qed jintefqu l-flus li jħallas f’taxxi.

Fl-aħħar sigħat,Nadine Delicata, President ta’ Steward f’pajjiżna, qalet li l-affarijiet fid-deal tal-ispjtarijiet Maltin kienu ferm u ferm agħar minn dak li jafu n-nies. Bl-istess President ta’ Steward issejjaħ dan il-ftehim bħala ‘fjask’.

Nadine Delicata, fl-artiklu fit-Times tikkonferma li dak li kellhom jagħmlu – l-ewwel Vitals imbagħad Steward – jiġifieri li jmexxu sptarijiet moderni u effiċjenti kif jixiriqlhom il-Maltin, baqa’ qatt ma seħħ. Dan meta tgħid li jekk mhux se jkun hemm ftehim ġdid, mhux se jkun possibbli għal Steward li jżommu mat-termini tal-kuntratt.

Imma fl-isfond ta’ dan kollu, il-Gvern Laburista mhux biss ma jħossx li għandu jispjega x’qed jiġri, talli b’arroganza, mistoqsi għal spjegazzjoni, jgħid li mhux affari li għandha tiġi diskussa fil-pubbliku, eżatt kif għamel id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Mhux b’inqas għamel il-Prim Ministru Robert Abela, li prova jdaħħal dubju dwar ir-rappurtaġġ tal-media, filwaqt li ma weġibx jekk jaħsibx li d-deal tal-isptarijiet, li għadu qed jiddefendi sal-lum, hux deal korrott.

U sadantittant, il-ħaddiem Malti jibqa’ joħroġ minn butu kuljum €188,000 lil Steward fl-istess waqt li Steward jibgħu ma jħallus lura fil-kaxxa ta’ Malta €36,000,000 f’VAT illi ilha dovuta sa minn żmien il-Vitals.