Lokali

Aktar kritika għas-€17,000 fix-xahar li ħa Abela… u għal kif aġixxa waqt xogħolu

L-infermiera u t-tobba, il-Pulizija, ix-xufiera tal-linja, is-suldati, il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili, l-għalliema, il-kenniesa, il-ħaddiema tat-tindif pubbliku, u ħafna u ħafna ħaddiema oħrajn fl-aħħar snin żdidilhom ix-xogħol, ħadmu b’dedikazzjon kbira, u ħadmu anke s-Sibtijiet u l-Ħdud, speċjalment fl-eqqel tal-pandemija. Iżda għal dawn, Robert Abela ma kellux imqar ċenteżmu żejjed bħala rikonoxximent, waqt li ħu daħħal €17,000 fix-xahar għax, skont hu, “kien żdiedlu x-xogħol u kien qed jaħdem b’dedikazzjoni, saħansitra s-Sibt u l-Ħadd”.

Robert Abela nesa lill-ħaddiema imma hu kien qed idaħħal il-mijiet tal-eluf

Hekk kif l-iskandlu tas-€17,000 fix-xahar li kien qed idaħħal Robert Abela talli ta konsulenzi lill-Awtorità tal-Ippjanar qed ikompli jirrabja lill-ħafna, aktar u aktar professjonisti qed jikkritkaw bl-aħrax is-somom eżorbitanti li daħħal f’butu Abela mit-taxxi tagħna.

Affaċċjat b’dan kollu, il-Prim Ministru baqa’ jiġġustifika l-mijiet ta’ eluf li daħħal fis-sitt snin li għamel joffri s-servizzi legali lill-Planning Authority, filwaqt li ta l-loqom lill-ħaddiem Malti li minn butu ħallas bil-għoli għall-pariri ta’ Abela.

Fl-aħħar sigħat, il-kritika diretta lejn Robert Abela  ma waqfitx biss fuq l-argument finanzjaru, iżda wkoll għax-xogħol li għamel bħala konsulent.

Edward Mallia, ambjentalist prominenti f’pajjiżna jikteb li Robert Abela kien prattikament kompliċi f’reat kriminali meta bħala konsulent għall-Awtorità tal-Ippjanar ppermetta deċiżjonijiet illegali f’istanzi marbuta ma’ approvazzjoni ta’ permessi.

Fit-Times, Mallia jgħid li dan kollu jfisser li Abela mhux biss tħallas somom kbar ta’ flus mit-taxxi tal-Maltin, iżda li għamel dan waqt li kien parteċipi f’atti illegali.

Bejn l-2013 u l-2019, Robert Abela daħħal bagatella flus għal pariri li ta lill-Planning Authority, bil-pagamenti splodew minn €7,000 għal €17,000 fix-xahar. Iżda l-istess Abela li daħħal il-mijiet tal-eluf,  ma sabx aktar minn €1.75 għall-ħaddiema Malti, inkluż għal dawk li żdidilhom ix-xogħol, li jaħdmu b’dedikazzjoni, u li jaħdmu anke fil-weekends.