Internazzjonali

Covid-19: L-Italja qed tneħħi l-obbligu għall-maskri min-nhar il-Ġimgħa

L-Italja qed tkompli bil-miżuri bil-għan li tirritorna għal livell ta’ normalità wara sentejn tal-pandemija. Dan meta min-nhar il-Ġimgħa, il-11 ta’ Frar, mhux se jibqa’ rikjest biex in-nies f’dan il-pajjiż jilbsu l-maskri fil-postijiet pubbliċi.

Is-Sotto-Segretarju Taljan għas-Saħħa, Andrea Costa, ikkonferma t-tneħħija tal-obbligu għall-ilbies tal-maskri minkejja r-rapporti li r-rata ta’ pazjenti morda bil-Covid u li jeħtieġu t-trattament fl-isptarijiet Taljani żdiedet b’punt perċentwali għal 29 fil-mija fost l-infezzjonijiet lokali.

Madankollu, Costa qal li d-digriet għat-tneħħija tal-maskri – li kien ilu impost għal xhur – se japplika għar-reġjuni kollha tal-Italja, irrispettivament mill-‘kodiċi’ li jiddenominaw l-element ta’ sogru mill-virus.

Numru ta’ għaqdiet fl-Italja laqgħu b’sodisfazzjon id-digriet għat-tneħħija tal-maskri mingħajr distinzjoni —  iżda hemm in-nies li għadhom iħeġġu għall-kawtela peress li t-tmiem tal-pandemija fl-Ewropa għadu ‘il bogħod.

Fil-preżent, l-Italja tinsab f’riskju pjuttost moderat mill-Covid u fejn il-kulur ‘isfar’ fuq il-mappa jirrappreżenta l-livell tat-theddida mill-virus.

Intant, is-sogru mill-Covid hu jerġa’ aktar baxx fir-reġjuni ta’ Basilicata, Molise u Umbria fejn is-sogru tal-Covid — waqt li r-riskju f’reġjuni bħal Abruzzo, Friuli, Piemonte u Val d’Aosta ivarjaw mill-moderat għal sitwazzjonijiet fejn l-okkupanza tas-sodod fit-taqsimiet għall-kura intensiva qed taqbeż l-20 fil-mija.

F’każi fejn reġjun ikun iddikjarat bħala zona oranġjo, ir-rati ta’ infezzjoni stabbiliti jkunu jridu jibqgħu mal-150 u aktar għal kull 100,000 abitant, waqt ġimgħat konsekuttivi.