Il-Partit Nazzjonalista hu ppreparat biex imexxi lil dan il-pajjiż ‘il quddiem u xhieda ta’ dan huma l-ħafna ideat u proposti li ħareġ bihom fl-aħħar snin – ideat li tant kienu tajbin, li wħud minnhom saħansitra kienu kkopjati mill-Gvern Laburista.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien intervistat matul il-programm Xtra fuq ix-Xandir Pubbliku, fejn seta’ anke jispjega f’aktar dettal l-impenn tal-Partit immexxi minnu biex ikun Gvern alternattiv aħjar minn dak ta’ bħalissa.
Bernard Grech qal li, għall-kuntrarju ta’ Robert Abela li jara lil kulħadd dubbien għax ma batiex, tant li kien jaqla’ 17,000 ewro fix-xahar, il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ċar li jista’ jtejjeb ħajjet in-nies u fejn flus il-poplu jintefqu bil-għaqal.
Mistoqsi dwar it-titjib fil-popolarità li l-Partit Nazzjonalista għamel fl-aħħar ġimgħat – kif indikat fl-istħarriġ ta’ tmiem il-ġimgħa – hu qal li dawn ir-riżultati jżidu fuqu r-responsabbiltà għax ifissru l-ħtieġa li l-Partit ikompli jaħdem lejl u nhar biex jispjega l-viżjoni tiegħu.
Filwaqt li rrikonoxxa ċertu ġid li sar fl-Ekonomija ta’ pajjiżna, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li qed jibqa’ jħoss il-polz tal-poplu, partikolarment ta’ dawk li xorta għadhom magħfusin sew mill-pjaga tal-għoli tal-ħajja u m’humiex ilaħħqu.
Għaldaqstant, hu spjega kif bil-proposta tal-Living Income – fost oħrajn – Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jara li kull Malti u Għawdxi jkollu qligħ diċenti, filwaqt li jnaqqas il-piżijiet ħalli kulħadd jgħix aħjar.
Min-naħa l-oħra, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħżel li jkompli bis-serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Hu għalhekk li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lura l-flus kollha li nsterqu minn bwiet il-poplu.
Dwar is-settur tal-Enerġija, mistoqsi minn Saviour Balzan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern ġdid immexxi minnu se jara li l-Ekonomija tkun mibnija b’tali mod li ma jkunx il-konsumatur li jbati ż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt.
Dwar l-impenn biex joħroġ lil pajjiżna mill-greylist, Bernard Grech qal li se jkun qed jaħdem id f’id mal-istituzzjonijiet kollha u mal-poplu biex isem Malta u Għawdex tagħna jerġgħu jingħataw l-unur li jixirqilhom.
U dwar il-bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent, spjega li l-iżvilupp se jibqa’ għaddej fejn meħtieġ u ma jagħmilx bħall-Gvern Laburista, li bbaża l-ekonomija fuq il-kostruzzjoni biss.
Minflok, Gvern ġdid immexxi minnu se jara li jintroduċi pilastri ekonomiċi li joħolqu l-ġid mingħajr impatt fuq l-Ambjent.
//= $special ?>