Lokali

Il-Ministru Clayton Bartolo skomdu biex iwieġeb dwar is-sieħba tiegħu

Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo jinsab skomdu immens biex iwieġeb dwar is-sieħba tiegħu, Amanda Muscat – li sa ftit ta’ żmien ilu kienet isservi bħala segretarja personali tiegħu fi ħdan il-Ministeru li huwa responsabbli minnu. Dan hekk kif fl-aħħar ġimgħat sar magħruf li, bil-għan li jibża’ għas-siġġu tiegħu, Bartolo rranġa ma’ sieħbu l-Ministru Clint Camilleri sabiex Amanda Muscat tinxteħet fuq il-kotba tal-Ministeru għal Għawdex u tingħata impjieg hemm.

The Shift News kien irrapporta din il-mossa bħala waħda magħmula sabiex ma jiġrilux bħall-eks Ministru Justyne Caruana li spiċċat kellha twarrab mill-Kabinett wara li nstabet ħatja ta’ ksur ta’ etika meta tat kuntratt ta’ €15,000 lis-sieħeb tagħha fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Għaldaqstant il-mossa ta’ Bartolo ġiet deskritta minn bosta bħala waħda kożmetika – biex jgħatti xturu.

It-Tnejn waranofsinhar Net News staqsa barra l-Parlament lill-Ministru Clayton Bartolo jekk kienx jaf lil Amanda Muscat qabel ma ngħatala l-impjieg mal-Gvern…iżda, rigward is-sieħba tiegħu, dehrlu li kellu jfarfarha fuq Robert Abela.

Ftit tal-jiem ilu, meta kien mistoqsi dwar l-aġir tal-Ministru tiegħu, il-Prim Ministru kien għoġbu li joħroġ għanqu għalih sabiex ma jurtahx.

Dan mingħajr ma għamel referenza għall-mossa ta’ trasferiment bejn Ministeru u ieħor, għalkemm sorsi qrib il-Ministeru għat-Turiżmu saħqu ma’ Net News li Amanda Muscat għadha ferm qrib is-suppost eks impjieg tagħha.

Tant hu hekk li d-DJ u Direttur fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Lionel Gerada, kien saħansitra irringrazzjaha tas-sehem tagħha li tat għas-serata tal-Malta Film Awards li ttellgħu ftit tal-ġimgħat ilu.

Net News staqsa wkoll lil numru ta’ deputati kollegi ta’ Clayton Bartolo dwar is-sitwazzjoni ta’ seħibhom, u jekk il-pożizzjoni tiegħu għadhiex tenibbli…bis-Segretarju Parlamentari Deo Debattista jqabblu ma’ qaddis.

Għaldaqstant in-nuqqas ta’ azzjoni fil-konfront ta’ Clayton Bartolo qed turi konsistenza sħiħa ta’ Robert Abela tul dawn l-aħħar sentejn…ironikament dik tal-inkonsistenza u t-tkaxkir tas-saqajn sabiex jiehu deċiżjoni skjetta mistennija minnu bħala mexxej ta’ Gvern supost serju.