Missier ta’ tifel ta’ ħames snin minn San Pawl il-Baħar ma ngħatax il-libertà proviżorja wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li wettaq serq li jaqbeż l-20,000 ewro mill-kumpanija li dam jaħdem magħha għal 10 snin. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, L-akkużi jgħidu li s-serq sar fuq mhedda ta’ ftit xhur.
L-Ispettur George Frendo xela lil Steve Camilleri ta’ 30 sena, li qal li fil-preżent jaħdem bħala ‘cab driver’ li s-sena l-oħra meta kien impjegat mal-kumpanija wettaq din is-serqa ta’ diversi oġġetti u li wħud minnhom instabu fiż-żewġ garaxxijiet tiegħu f’San Pawl il-Baħar stess.
Mistoqsi mill-Qorti għaliex is-serq sar sena ilu u qed jitressaq issa, l-Ispettur Frendo qal li l-kumpanija skopriet dan l-aħħar li Camilleri kien qed ibiegħ dawn l-oġġetti tagħha minn fuq il-market place ta’ Facebook, u għaldaqstant indunaw mill-profil tiegħu stess.
Ix-xhud qal li kellhom mandat ta’ tfittxxija u tfittxija intenstiva sabet diversi oġġetti relatati mal-kumpanija li magħha kien jaħdem. Id-difiża għamlet talba għall-pleġġ tal-akkużat, liema talba sabet oġġezzjoni kbira mill-Prosekuzzjoni. L-Ispettur Frendo qal li dan huwa serq aggravat u li diversi xhieda pajżana jridu jixhdu f’dan il-każ, liema xhieda huma eks kollegi tiegħu fuq il-post tax-xogħol u li għalhekk hemm il-biża li jiġu kontaminati l-provi.
Dan għaliex ukoll ħafna mix-xhieda jistgħu jkunu ħbieb jew familjari ħafna mal-akkużat. Il-prosekuzzjoni qalet li fattur ieħor li Camilleri għandu jibqa’ arrestat huwa li ma kkopera xejn mal-Pulizija u għalhekk wieħed ma jistax jiddetermina l-karattru tiegħu.
Id-difiża minn naħa tagħha qalet li l-akkużat huwa raġel tal-familja. Għandu mara u tifel ta’ ħames snin u impieg stabbli. Qalet li b’mod sorprendenti ffaċċa mandat ta’ tfittxija u li huwa fatt li l-akkużat kemm il-darba xtara oġġetti mill-kumpanija biex ibiegħhom u li l-eks kollegi tiegħu diġa ġew mitkellma mill-Pulizija. Ingħad ukoll li l-akkużat għadu preżunt innoċenti.
Il-Qorti qalet li fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ u x-xhieda pajżana li għad iridu jixhdu u biex tiġi salvagwardjata l-evidenza, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Madankollu qalet lill-prosekuzzjoni biex għas-seduta li jmiss tressaq dawn ix-xhieda mill-aktar fis possibbli. L-Avukat Adriana Zammit deheret għall-akkużat.
//= $special ?>