Lokali Parlament

L-Awtorità tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet għandu bżonn kemm tar-riżorsi kif ukoll li jkun immodernizzat

Iid-Deputat Nazzjonalista Joseph Ellis

Id-Deputat Nazzjonalista Joseph Ellis, li kien qed jitkellem fit-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Condominia, qal li minn imexxi l-condominia għandu jkun reġistrat mal-Awtorità tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.

Din hi xi ħaġa tajba u tajjeb li dawn il-persuni jingħataw il-pubbliċità mistennija kemm fuq il-Gazzetta tal-Gvern u anki fil-pubblikazzjoni tal-istess Awtorità tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.

Hu qal li fil-pajjiż hawn problema serja ta’ kemm hawn proprjetajiet vojta u mhux okkupati. Il-ħasra hi li pajjiżna m’għandux statistika preċiża ta’ hawn djar li m’għadhomx jintużaw.

Skont l-aħħar ċensiment li kien sar fl-2011 f’pajjiżna hawn aktar minn 11,000 proprjetà vojta. Ir-rakkommandazzjoni hi li l-awtoritajiet iniedu eżerċizzju wiesa’ dwar dawn il-proprjetajiet, f’hix jikkonsistu, kemm huma kbar, fejn qegħdin u ta’ min huma. Dan u impenn li għandu jsir mill-Awtorità tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.

Hu tal-mistħija kif sa llum fuq livell ta’ pajjiż m’għandniex l-informazzjoni meħtieġa dwar dan is-suġġett. Dan hu xempju ta’ nuqqas ta’ modernità.

Hu qal li għandu jkollna rendikont sħiħ u komprensiv tal-proprjetajiet kollha li hawn fil-pajjiż. Skont stħarriġ li sar mill-Università ta’ Malta jirriżulta li hawn terz tal-proprjetà li ma tintużax il-ħin kollu… fil-fatt din hi proprjetà li jew hi vojta jew inkella tintuża biss f’xi okkażjonijiet.

Dan hu fenomenu mifrux mal-pajjiż kollu u hu importanti li l-Istat jibda jagħti l-inċentivi biex dan il-fenomenu jonqos u l-proprjetajiet vojta jibdew jintużaw aktar.

Tkellem ukoll dwar l-importanza li l-Awtorità tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet ikun armat b’aktar riżorsi umani, iżda wkoll jeħtieġ li fih ikun hemm mekkaniżmi aktar moderni kif jitolbu ż-żminijiet ta’ llum.

Tkellem ukoll dwar il-problema tan-Nadur fejn sa llum għad hemm diversi nies li huma mħassba dwar x’se jkun qed jiġri mill-proprjetà tagħhom u qal li anki dwar kwistjonijiet bħal dawn għandu jkun hemm l-intervent leġislattiv għaliex ma hux sew li jkun hemm min jipprova jqarraq b’ħaddieħor.

Min qed isofri inġustament għandu jingħata rimedju effettiv. Hu tal-mistħija kif in-nies tan-Nadur milquta minn din il-problema tħallew għal riħhom u bla mal-Gvern tahom ħajt għall-kenn. Għaliex il-kwistjoni ċivili se tibqa’.

Hu appella lill-Gvern biex jilqa’ l-appelli tal-Oppożizzjoni biex l-Awtorita tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet ma tibqax fl-istat li tinsab fiha llum.