Internazzjonali

L-eks Papa Ratzinger jammetti dwar ‘l-iżbalji’ fil-każi tal-abbuż tat-tfal

L-eks Papa Benedittu XVI — ismu proprju Joseph Ratzinger — irrikonoxxa li saru l-iżbalji fil-mod kif tmexxew l-investigazzjonijiet dwar l-abbuż sesswali ta’ minorenni taħt idejn il-qassisin fiż-żmien meta hu kien għadu l-Arċisqof ta’ Munich ( fil-Ġermanja).

Il-Vatikan, issa, ħareġ ittra li permezz tagħha, l-eks Kap tal-Kattoliċi qed jitlob skuża ‘għal kwalunkwe żball u nuqqas,’ u fejn qed jiċħad li prova jaħbi l-affariajiet jew li seta’ kien b’xi mod involut f’dan l-abbuż.

Dan meta rapport dwar il-Knisja Kattolika li ħareġ fil-Ġermanja qed jallega li l-Papa Benedittu naqas milli jieħu azzjoni fil-konfront ta’ erba’ każi tal-abbuż tat-tfal. L-eks Papa Ratzinger kien serva bħala l-Arċisqof ta’ Munich mill-1977 sal-1982.

Sadanittant, ir-rapport immexxi minn entità tal-liġi fil-Ġermanja qed jallega li l-abbuż ta’ minorenni kien kompla fiż-żmien meta Ratzinger kien għadu jservi bħala Arċsqof u li l-qassisin li qed ikunu akkużati dwar l-abbuż baqgħu attivi fir-rwoli rispettivi fi ħdan il-Knisja.

Min-naħa tiegħu, Ratzinger qed ifisser l-azzjonijiet fil-konfront tal-vittmi tal-abbuż bħala ‘dnub mill-aktar serju’ filwaqt li tenna s-sentimenti personali ta’ sogħba, ‘fost it-talbiet ta’ maħfra għan-nuqqasijiet tiegħu’.