Stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru ppubblikat nhar it-Tlieta li sar juri li ċ-ċittadini tal-UE jridu li l-Parlament jiddefendi d-demokrazija, b’terz ta’ dawk li wieġbu (32%) iqisu li din hija l-aktar valur importanti għad-difiża, segwit mil-libertà tal-kelma u tal-ħsieb (27%) u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem (25%). Is-saħħa pubblika (42%), il-faqar u l-esklużjoni soċjali (40 %) kif ukoll it-tibdil fil-klima (39%) huma prijoritajiet politiċi ewlenin. U 58% taċ-ċittadini tal-UE jridu rwol aktar importanti għall-Parlament fil-futur.
Il-Ewrobarometru juri li l-appoġġ taċ-ċittadini għall-UE u l-Parlament Ewropew b’mod partikolari żdied matul il-pandemija tal-COVID-19.
Dawn is-sejbiet jirriflettu r-riżultati tal-aħħar stħarriġ dwar il-Futur tal-Ewropa, ippubblikat mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni f’nofs Jannar 2022, fejn disgħa minn kull għaxar Ewropej jaqblu li għad fadal xi jsir biex tissaħħaħ id-demokrazija fl-UE.
11-il Stat Membru poġġew id-difiża tad-demokrazija l-ewwel, fosthom Malta.
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, b’reazzjoni għar-riżultati tal-istħarriġ, qalet “kif ġustament jindikaw iċ-ċittadini, id-difiża tad-demokrazija hija valur Ewropew importanti iktar minn kwalunkwe ieħor. Ma nistgħux nassumu li d-demokrazija hija akkwistata għal dejjem. L-estremiżmu, l-awtoritarjaniżmu u n-nazzjonaliżmu llum qed iżidu t-theddid għall-proġett Ewropew komuni tagħna.”
F’Malta, l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima hija l-prijorità ewlenija b’mod ġenerali għal 45 % ta’ dawk li wieġbu. Is-saħħa pubblika hija prijorità għal 39%, segwita mill-migrazzjoni u l-ażil għal 37%.
//= $special ?>